It-tħejjijiet għad-disa’ edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem jinsabu fl-aqwa tagħhom hekk kif nhar il-Ħadd, 10 ta’ Diċembru, dan il-villaġġ tan-Nattività ser jiftaħ il-bibien tiegħu uffiċjalment għall-pubbliku. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana flimkien mas-Sindku u l-kunsilliera tal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem.
Għal sena oħra ir-raħal ta’ Għajnsielem se jilqa’ eluf ta’ viżitaturi, kemm lokali kif ukoll barranin, li jagħżlu lil Għawdex għal żmien il-Milied fejn, permezz tal-edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem ta’ din is-sena, se tkompli tissaħħaħ l-esperjenza unika tal-Milied f’Għawdex. Il-Ministeru għal Għawdex ra li din l-attività għandha tkompli ssir bil-kontribut tal-kunsill lokali, tal-parroċċa u tal-għaqdiet kollha ta’ Għajnsielem, sabiex bħal kull sena, tkun suċċess, bi presepju mifrux fuq medda ta’ 20,000 metru kwadru ta’ art u animat b’aktar minn 150 attur.
“Betlehem f’Għajnsielem hu proġett Għawdxi li kull sena qed jikber u jespandi biex joffri esperjenza diversa u sabiħa lil kull min jiġi jżur lil Għawdex f’dawn iż-żminijiet ta’ festi. Hu proġett li mhux biss rikonoxxut fuq bażi nazzjonali, iżda issa anke fuq skala internazzjonali”, qalet il-Ministru Justyne Caruana. Hija fakkret kif din is-sena, Għawdex qed joffri programm vast u li jolqot il-gosti ta’ kulħadd fi żmien il-festi. “Betlehem f’Għajnsielem għandu post prominenti fil-kalendarju kulturali Għawdxi f’dawn il-jiem ta’ festi, u bħala Ministeru għal Għawdex tajna s-sapport kollu meħtieġ biex din l-esperjenza tkompli tissaħħaħ u tikber”, kompliet tgħid il-Ministru. Hija rringrazzjat lis-Sindku Franco Ciangura u lill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem għall-impenn li qed juru biex din l-attrazzjoni tkompli tikber u tattira udjenza minn sena għal oħra. Il-Ministru rringrazzjat ukoll lill-għadd ta’ voluntiera u għaqdiet volontarji li pparteċipaw sabiex din l-attività tkun suċċess.
Is-Sindku ta’ Għajnsielem Franco Ciangura ta spjegazzjoni dettaljata tal-attrazzjonijiet ġodda li ġew varati din is-sena, bi skop li t-tradizzjoni lokali tibqa’ sinonima u tissaħħah f’dawn il-jiem ta’ festi. Is-Sindku għamel stedina lin-nies sabiex jattendu u jesperjenzaw xi ħaġa unika f’pajjiżna, fejn il-kultura u t-tradizzjonijiet ġew amalgamati mal-istorja tan-Nattività.
Betlehem f’Għajnsielem ser jiftaħ għall-pubbliku nhar il-Ħadd, 10 ta’ Dicembru 2017, u se jibqa’ miftuħ sal-Ħadd, 7 ta’ Jannar 2018, fejn jgħalaq is-separju bil-wasla tat-tlett slaten maġi u l-adorazzjoni tal-bambin Ġesù.
Għal aktar informazzjoni wiħed jista’ jżur il-paġna fuq is-sit ta’ Facebook intitolata ‘Presepju Betlehem f’Għajnsielem Għawdex’.