Il-Bord tal-Gvernaturi tal-Financial Intelligence Unit (FIAU) qal li kellu jireaġixxi għall-ispekulazzjoni dwar it-tmiem tal-impjieg tas-Sur Jonathan Ferris minn din it-taqsima.
Dan minħabba l-ispekulazzjoni li għaddejja. Intqal li mhux normali li l-FIAU toqgħod tgħid għaliex ħaddiem kellu l-impjieg itterminat iżda fiċ-ċirkostanzi u ladarba l-ħaddiem innifsu għamel numru ta’ dikjarazzjonijiet il-bord m’għandux għażla oħra. Intqal li d-deċiżjoni li Ferris ma jibqax manager tas-sezzjoni tal-analiżi kienet waħda unanima mill-bord tal-gvernaturi fuq rakomandazzjoni tad-Direttur tal-FIAU. Ingħad li irrispettivament mill-kwalitajiet li jista’ jkollu Ferris naqas fl-organizazzjoni ta’ sezzjoni li tagħha kien manager. Għaldaqstant ma kienx fl-interess tal-FIAU li żżomm l-impjegat.
L-FIAU qalet li bħal dawn il-każi kien hemm oħrajn għax l-istituzzjoni żżomm magħha dawk l-impjegati li jilħqu l-livelli meħtieġa. Kien hemm ċaħda iebsa għall-akkużi ta’ Ferris li seta’ kien hemm xi motivazzjoni politika. Iktar minn hemm l-FIAU qalet li d-deċiżjoni ma kellha ebda struzzjoni minn politiċi, ministri, pulizija jew persuni oħra marbuta mal-gvern. “La direttament u lanqas indirettament,” qalet l-FIAU li qalet li l-akkużi bla bażi qed jagħmli ħsara lil din l-istituzzjoni li hi fdata biex tiġġieled il-ħasil ta’ flus, il-kriminalità u t-terroriżmu finanzjarju .