Mifrux fuq tlett ijiem u fi 8 Knejjes differenti fil-gżira tat-tliet għoljiet, tnediet it-tieni edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Korijiet t’Għawdex.
Kollox jibda fit-8 ta’ Dicembru, meta l-ilħna ta’ 11-il kor se jidwu mal-Knejjes ta’ Għajnsielem u x-Xewkija. L-għada s-Sibt 9 ta’ Diċembru se jkantaw fil-Knisja tal-Qala u fil-Bażilika ta’ San Ġorg fir-Rabat. Il-Ħadd, wara li jieħdu sehem fil-Quddies tal-Għarb, tan-Nadur, tax-Xagħra u ta’ Pinu, il-korijiet se jpaxxu l-widna ta’ dawk li se jattendu għas-serata finali fil-Katidral. 5 mill-korijiet huma internazzjonali gejjin mill-Ungerija, mill-Italja u minn Franza, filwaqt li 6 oħra huma minn irħula Għawdxin.
Fit-tnedija tal-Festival, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana tenniet il-viżjoni tal-Gvern biex l-istorja u l-kultura unika t’Għawdex tkompli tkun esposta internazzjonalment. Fakkret fil-kalendarju varjat u mżewwaq li għandu Għawdex din is-sena, bis-sehem u d-dedikazzjoni ta’ nies li għalkemm ġejjin minn gżira żgħira, għandhom talent kbir. Id-dħul għal dan il-Festival huwa mingħajr ħlas.