L-ajruplan tal-EgyptAir li ġġarraf fil-Baħar Mediterran, qabel għeb, ma darx u ma bidilx id-direzzjoni.
Nhar il-Ħamis, il-Ministru tad-Difiża Grieg qal li l-ajruplan dar dawra sħiħa qabel waqa’, iżda uffiċjal Eġizzjan tal-avjazzjoni qed jgħid li ma kien hemm l-ebda moviment mhux tas-soltu.
Il-Kap Eġizzjan tas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru, qal li ma kien hemm l-ebda problema kif l-ajruplan daħal fl-ispazju Grieg. Min-naħa tagħhom, uffiċjali tal-avjazzjoni Griegi qed jgħidu li l-kontrolluri tal-ajru kellmu lil bdot meta daħal fl-ispazju Grieg u kollox deher normali. Qalu wkoll li hekk kif l-ajruplan kien dieħel fl-ispazju Eġizzjan, ippruvaw jagħmlu kuntatt imma baqgħu bla tweġiba.
It-titjira MS804 kienet fi triqtha minn Pariġi lejn il-Kajr b’66 persuna abbord.