Taljan ta’ 34 sena li joqgħod is-Swieqi qed isofri minn ġrieħi gravi wara li waqa’ fuqu ġebel ta’ gallarija.
L-inċident seħħ matul il-lejl li għadda għall-ħabta tas-02:00, meta r-raġel allegatament ixxabbat ma’ gallarija baxxa fi Triq il-Gejża fis-Swieqi biex jikseb aċċess għall-appartament tiegħu wara li ssakkar barra.
Jidher li l-ġebel tal-istess gallarija ċeda, waqa’ u ġie fuq ir-raġel.
Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.