Alfred Sant talab lill-Kummissjoni Ewropea tirrevedi r-regoli tal-għajnuna tal-istat għas-settur bankarju. Dr Sant staqsa lil Kummissjoni Ewropea jekk għamlitx l-analiżi tagħha dwar l-effettivita` tar-regoli tal-għajnuna tal-istat fis-settur bankarju. Dr Sant staqsa wkoll lil Kummissjoni hix qed tikkonsidra tirrevedi l-pożizzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna tal-istat fuq il-banek u jekk iva għal meta hi ppjanata li tagħmel din ir-reviżjoni.Dr Sant ilu jisħaq dwar it-tħassib tal-banek li joperaw f’Malta f’fora differenti fil-Parlament Ewropew. Il-ġimgħa l-oħra Dr Sant iltaqa’ mar-rappreżentanti tal-BOV li aġġornawh dwar l-impatt tar-rekwiżiti minimi stabbiliti mid-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni (BRRD) fuq banek żgħar fl-Ewropa. Konklużjoni li ħarġet minn din l-informazzjoni, qal Dr Sant, hija li l-politika ta’ one-size-fits-all għandha impatt negattiv fuq il-banek iż-żgħar, mhux biss f’Malta imma wkoll f’pajjiżi oħra tal-UE inklużi fil-Portugall u fil-Ġermanja.
“Il-Kummissjoni għadha tikkonsidra l-provvedimenti msemmija fl-istqarrija bħala effettivi jew qed taħseb li tqarrabhom aktar lejn il-linja tar-regoli tal-UE dwar irkupru u riżoluzzjoni?” staqsa Alfrd Sant.
Dr Sant qal li fl-2013 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat stqarrija fuq l-applikazzjoni tal-Għajnuna tal-Istat li tappoġġja miżuri favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja. Minn dak inhar il-Kummissjoni addottat numru ta’ regoli fuq is-settur bankarju, b’mod partikolari il-BRRD li tfassal qafas għall-awtoritajiet biex jimmaniġjaw fallimenti bankarji b’mod effettiv. Ir-Regoli tal-UE, b’mod partikolari, il-BRRD u l-istqarrija tal-Kummissjoni fuq l-Għajnuna tal-Istat għall-banek imorru id f’id, Dr Sant qal lill-Kummissjoni.