Persuna inqatlet b’daqqiet ta’ sikkina f’Birkirkara. Sorsi qrib il-korp tal-Pulizija qalu lil one.com.mt li bħalissa qed iżommu żewġ persuni arrestati b’rabta ma dan il-każ. Allagatament sakemm waslu l-Pulizija kien laħaq tnaddaf id-demm minn fuq ix-xena tar-reat.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu meta l-Pulizija daħlilha rapport li kien hemm inċident ġewwa residenza fi Triq il-Bwieraq, Birkirkara. Fuq il-post marru numru ta’ Pulizija fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li kien għadu kemm seħħ argument bejn tliet persuni. Libjan ta’ 40 sena mill-Marsa ttieħed immedjatament l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa iżda sfortunatament tilef ħajtu ftit tal-ħin wara. Allegatament iż-żewġ persuni arrestati kienu jgħixu mal-vittma ġewwa l-istess residenza.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr C. Scerri Herrera LL.D li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali flimkien ma dawk tad-distrett ta’ Birkirkara mmexxija mis-Supretendent Anthony Cassar.