Il-ġurnal Kullħadd żvela li Jean Pierre Debono se jkun qed jirċievi onorarja ta’ €20,000 mal-paga eżistenti sabiex sal-aħħar tas-sena jdaħħal salarju ta bejn €45,000 u €50,000. Dan fl-isfond tal-inċertezzi kbar għall-mijiet ta’ ħaddiema tal-PN wara li l-Ħadd l-għadda l-ġurnal Maltatoday qal li l-kont bankarju tal-PN se jinxef mal-bidu tas-sena l-ġdida. Infatti l-PN qed jagħmel tajjeb għad-dejn multimiljunarju li għandu billi jbigħ il-każini tiegħu.
Sorsi fil-PN qalu lill-ġurnal Kullħadd li bil-bidla li saret fl-aħħar ġimgħat il-kariga li kien jokkupa Debono se tinbidel għal dik ta’ Direttur. B’din il-bidla l-PN se jkollu żewġ diretturi biex jgħinu lis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli. Bis-saħħa t’hekk, Debono se jkollu żieda eżorbitanti fil-paga tiegħu. Dan sar sabiex jieħu kumpens wara li ċeda s-siġġu Parlamentari tiegħu lil Adrian Delia, wara li dan tal-aħħar ma kienx baqalu alternattiva oħra biex jidħol fil-Parlament.
Jean Pierre Debono kien l-ewwel wieħed li kien se jċedi s-siġġu lil Delia iżda fil-bidu tal-kampanja għall-Kap, Jean Pierre Debono kien kostrett li jirtira wara kritika ħarxa mill-kostitwenti tiegħu. Però meta Delia ma sab lil ħadd minn dawk li telgħu bl-elezzjoni każwali biex iċedilu s-siġġu kellu jerġa’ jdur fuq Jean Pierre Debono li ċedielu s-siġġu li kien kiseb fuq is-seba’ distrett.
Intant, imkejjen fil-Partit Nazzjonalista fissru kif oriġinarjament Jean Pierre Debono kien qed jissemma għal Segretarju Ġenerali. Iżda, fid-dawl tal-każ tal-firem foloz fil-kampanja għall-kap, Debono ma setax jingħata din il-kariga. Saħansitra wara li l-eżekuttiv kien innota li lanqas jipparteċipa fl-elezzjonijiet ma kellu. Imkejjen tagħna sostnew li hemm iktar fatti x’joħorġu dwar l-aġir ta’ Debono f’dik il-kampanja. B’dawk li ħadmu għal Chris Said donnhom mhumiex se jaħfrulu għall-manuvri li għamel meta bħala Assistent Segretarju Ġenerali kellu l-magna tal-Partit f’idejh .