Patrick Mangion ta’ 44 sena minn Ħal-Qormi u Carmen Spiteri ta’ 40 sena mill-Belt qed jiġu akkużati li fis-26 ta’ Settembru li għadda serqu ġojjelli flimkien ma affarijiet oħra minn ġo residenza fin-Naxxar. Mangion ġie mixli wkoll li għamel xi ħsarat fl-istess residenza u li f’Marzu li għadda seraq €300 minn ġo pompa tal-petrol f’Ħ’Attard, seraq minn ġewwa vettura fir-Rabat u li seraq xi ġojjelli minn ġo dar fil-Qrendi. Meta kien affaċjat b’dawn l-akkużi Mangion stqarr li ma jaħdimx u wieġeb li mhux ħati.
Spiteri wkoll wieġbet mhux ħatja. L-avukat ta’ Carmen Spiteri qalet lill-Qorti li Spiteri qed trabbi tfajla ta’ 18-il sena u talab sabiex il-bint ma tispiċċax mingħajr omm. Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-mara fuq depositu ta €500 u garanzija personali ta’ €1,500. Madankollu Mangion inżamm arrestat.