Waqt li kien qed jindirizza l-attività ‘Outside with no Fear’ organizzata mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali biex tqajjem aktar kuxjenza fuq il-vjolenza domestika, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li bħala Gvern irridu nibqgħu nagħtu l-appoġġ sabiex min qiegħed isofri minn xi abbuż jew harassment, ikollu l-kuraġġ li jitkellem. Dr Muscat saħaq li bħala Gvern ukoll, għandna nkomplu nagħtu l-aħjar kundizzjonijiet lil dawk il-ħaddiema li jaħdmu ma’ persuni li jkunu għaddejjin minn xi forma ta’ abbuż fil-ħajja tagħhom. “Dawn huma l-unsung heros tas-soċjetà tagħna,” tenna l-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat semma kif bħalissa, fuq binarju globali, l-aktar punti diskussi huma każijiet ta’ harassments kontra nisa min-nies ta’ poter, u kienu bosta dawk li tkellmu. “Inħeġġeġ biex kull min għaddej minn xi abbuż fuq il-post tax-xogħol tiegħu sabiex jitkellem,” qal Dr Muscat. Fl-aħħarnett il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li biex ikun hawn paċi fid-dinja, irridu naraw li l-ambjent tal-familja jkun nieqes mill-abbuż. Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li l-fatt li din l-attività saret ħdejn il-bini tal-Parlament turi l-impenn li għandu l-Gvern sabiex iqajjem iktar kuxjenza dwar il-vjolenza domestika.
Dr Falzon semma li permezz ta’ iktar kampanji edukattivi se ssir iktar ħidma sabiex tinqata’ l-istigma tal-vjolenza domestika u aktar nies jersqu ’l quddiem għand il-professjonisti.