Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ġie elett fil-kumitat eżekuttiv tal-Commonwealth Local Government Forum (CLGF) waqt il-konferenza li ttellgħet f’Malta. Dan il-forum, imwaqqaf fl-1995 matul iċ-CHOGM li sar fi New Zealand, jiġbor fih il-gvernijiet lokali tat-53 pajjiż tal-Commonwealth.
Is-CLGF jaħdem fil-qrib mas-Segretarjat tal-Commonwealth u l-Ġnus Magħquda biex jippromwovi l-kunċett li l-gvernijiet lokali huma għodda kruċjali għall-iżvilupp ta’ pajjiż. Il-ħatra hija għal sentejn.