Missier u iben qed jiġu akkużati li ppruvaw jisirqu makkinarju minn fabbrika abbandunata fil-Marsa. L-irġiel Keith Joseph Mallia u ibnu Mario it-tnejn minn Ħal-Għaxaq instabu ġo fabbrika wara l-Pulizija daħlilha rapport ta’ storbju ġej mill-binja abbandunata.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Hubert Cini xehdet li hekk kif I-Pulizija waslu fuq il-post sabu lill-irġiel ġewwa l-binja. Ħdejn il-makkinarju dehru diversi marki ekwivalenti ma tkaxkir. L-irġiel ġew arrestati fuq il-post u inżammew arrestati mill-Pulizija sakemm dehru quddiem il-qorti.
L-irġiel qed jiġu akkużati wkoll li daħlu ġewwa binja privata mingħajr il-permess tas-sid, li kkawżaw ħsarat fuq ħwejjeġ ħaddieħor u kif ukoll li fil-pussess tagħhom instabu numru ta’ għodod li normalment jintużaw waqt serq. Il-Qorti semgħet ukoll kif iż-żewġt irġiel kirsu il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja li kienet inagħtat f’sentenzi passati.
L-irġiel wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom. L-avukat Franco Debono talab il-ħelsien mill-arrest madankollu l-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ċaħdet u ordnat lill-imputati jinżammew taħt arrest.