Megħluba l-mozzjoni li ressqet illejla l-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex tattakka l-liġi li ressaq il-Gvern li jagħti d-dritt ta’ mitt siegħa leave lil kull min ikun għaddej minn trattatament tal-IVF barra mill-pajjiż.
Il-mozzjoni m’għadditx b’37 vot kontra, 21 vot favur u sitt astensjonijiet. Il-vot ittieħed wara li d-deputat Nazzjonalista Godfrey Farrugia ddikjara li kemm hu u kemm Marlene Farrugia kienu kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni.
Fi stqarrija, maħruġa mid-Deputati Mario De Marco, Therese Comodini Cachia, Karl Gouder, Karol Aquilina, Simon Busuttil,Chris Said ingħad li kienu astjenew mill-vot wara li talbu li jingħataw “free vote” izda b’dispjaċir innotaw li din it-talba ma ntlaqatx.
Qalu li fiċ-ċirkostanzi, deherilhom li t-triq għaqlija tkun waħda li minn banda, tirrispetta l-fehma tagħhom li din il-mozzjoni tmur kontra il-prinċipji li jemmnu fihom u mill-banda l-oħra, id-deċiżjoni tal-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari li ħass li din il-mozzjoni għandha titressaq.
Qal li t-triq għaqlija għalihom kienet dik li ma jipparteċipawx fil-vot immexxi mill-Oppożizzjoni llejla.
Qalu li kull deputat għandu l-obbligu li f’kwistjoni ta’ kuxjenza jesprimi l-vot tiegħu u huwa għażlu li jesprimu ruħhom kontra din il-mozzjoni permezz ta’ din l-istqarrija.
Intant fi tmiem id-dibattitu l-Prim Ministru Joseph Muscat fisser id-dibattitu tal-lejla bħala wieħed surreali għall-fatt li tul id-dibattitu kollu l-Oppożizzjoni baqgħet sal-aħħar ma taqbilx magħha nnifisha minkejja li kienet hi li instigat dan id-dibattitu permezz tal-mozzjoni.
Sostna li l-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni tfittex li taqsam u tiddiskrimina.
Dr Muscat sosnta li l-Gvern jrid li kull min jagħmel użu mill-proċedura tal-IVF, hi x’inhi l-orjentazzjoni sesswali tiegħu tingħata l-konfort ta’ ftit sigħat ta’ mistrieħ f’dak l-aktar perjodu stressanti ta’ dik il persuna. Sostna li l-Gvern diġà attwa din il-liġi u tgħid x’tgħid il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, l-għan tagħha huwa li twaqqa’ l-avviż legali u għalhekk kontra li jingħata dan id-dritt.
Il-Prim Ministru tkellem dwar l-attitudni diskriminatorja min-naħa tal-Oppożizzjoni li reġgħet instabet ħatja ta’ diskriminazzjoni. Qal li l-Oppożizzjoni ma tistax tifhem li l-poplu ma jridx lill-politiċi jindaħlulu fl-orjentazzjoni sesswali tiegħu. Sostna li l-IVF huwa miraklu mill-kbar u l-Gvern se jagħmel dak kollu li jista’ biex in-nies ikollhom aċċess għalih.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jiddefendi lil dawk in-nies li jridu jsiru ġenituri u sostna li t-tfal li jitwieldu bl-IVF m’għandhom xejn inqas minn ħaddieħor.
Dr Muscat tenna wkoll li l-Gvern mhu qed jaħbi l-ebda pożizzjoni dwar id-donazzjoni tal-gameti kif allegat l-Oppożizzjoni. Huwa ppreżenta l-pożizzjoni li ħa l-Partit Laburista fi kwestjonarju tal-MGRM qabel l-elezzjoni ġenerali fejn iddikjara b’mod ċar li jaqbel li tiddaħħal id-donazzjoni tal-gameti. Saħaq li għal kuntrarju tal-PN li fuq din il-kwistjoni ma ħax pożizzjoni, kulħadd jaf fejn hu qiegħed mal-Gvern u ħadd mhu jaħbi lil ħadd.