Waqt sessjoni ta’ Gvern li Jisma’, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri ħabbar li se tkun qiegħda tiżdied il-kwota tat-tonn b’ammont sostanzjali għas-sena li ġejja. Clint Camilleri żied jgħid li fis-sentejn ta’ wara l-kwota se tkompli tiżdied sostanzjalment, liema kwota se tiġi nnegozjata fil-ġimgħat li ġejjin.
Wara xhur ta’ negozjati mill-Gvern Malti, il-kwota tat-tonn għal pajjiżna żdiedet bi 48 tunnellata, jiġifieri minn 271 għal 319 tunnellata—dan ifissier żieda ta’ kważi 20%. Dan kollu seħħ wara li matul il-laqgħa annwali tal-ICCAT (International Commission for the Conservation of Atlantic Tunas), li spiċċat ilbieraħ fil-21 ta’ Novembru, 2017, u li ilha għaddejja ’l fuq minn ġimgħa l-Marokk, ġew approvati numru ta’ rakkomandazjonijiet bl-għan li tiġi assigurata s-sostenibbiltà tal-ispeċi tal-ħut li jaqgħu taħt il-kappa ta’ din il-Kummissjoni. Ir-rakkomandazzjoni li tolqot direttament lil Malta hija dik tat-tonn (blue fin). L-istudji xjentifici ta’ din is-sena urew li l-popolazzjoni tat-tonn qiegħda tirkupra sew u għalhekk tista’ tiżdied il-kwota.
Clint Camilleri fakkar li l-Gvern wettaq wegħda elettorali oħra, dik li ma jkunx hemm kwoti individwali għas-sajd tal-pixxispad. Il-Gvern għalhekk se jevalwa kif ħadmet is-sistema li implimenta għall-pixxispad wara li jagħlaq l-istaġun, u wara se jiddiskuti mas-sajjieda dwar din il-kwota l-ġdida tat-tonn. F’Marzu, il-Gvern se jkompli wkoll jistinka biex ikomplu id-diskussjonijiet rigward dawn il-kwoti.
Ġiet skedata laqgħa tal-ICCAT f’Marzu 2018, speċifikament biex jiġi ffinalizzat l-abbozz tal-management plan tat-tonn. Dan l-abbozz kien ir-riżultat ta’ numru ta’ laqgħat bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea li saru kemm fi Brussell kif ukoll waqt il-laqgħa annwali fil-Marokk. F’dan l-abbozz Malta kien irnexxiela ddaħħal d-derogi kollha mitluba għad-dgħajjes artiġjanali.
Għaldaqstant, il-Gvern Malti ser ikompli jattendi l-laqgħat skedati għas-sena 2018 bl-għan li jassigura li dan l-abbozz jiġi ffinalizzat kemm jista’ jkun malajr għall-ġid tas-sajd artiġjanali Malti.