Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia ddikjarat li se tmur kontra l-Kap Adrian Delia u l-mozzjoni li ressaq l-istess partit biex iċaħħad mitt siegħa leave lill-pazjenti tal-IVF. Fil-kampanja għall-ħatra ta’ Kap, Adrian Delia wiegħed li f’sitwazzjonijiet ta’ kuxjenza kien se jagħti vot ħieles lid-deputati tiegħu.
Is-sit Maltatoday żvela li f’laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Delia għamilha ċara li ma kienx se jagħti free vote dwar waħda mil-ewwel mozzjonijiet tiegħu fil-Parlament.
ONE News jinsab infurmat li Adrian Delia ma xtaqx li jittieħed vot dwarha. Dan hekk kif kien hemm Membri Parlamentari mill-bankijiet tiegħu li ma qablux miegħu. F’każ li Comodini Cachia ssejjaħ għal division, il-membri parlamentari jkollhom jivvotaw u l-pożizzjoni prekarja ta’ Delia tkompli tiddgħajjef.
Ix-xahar l-ieħor Comodini Cachia kienet qalet li hija kienet qed tistenna lil Delia jagħti free vote dwar din il-mozzjoni iżda kontra li wiegħed dan ma kienx il-każ.