Illum GreenPak ħabbret li se tkun qed trebbaħ €100 kuljum bħala parti minn kampanja ġdida bl-isem ta’ Crush and Win maħsuba biex tħeġġeġ ir-riċiklaġġ tal-flixken u
l-kontenituri tal-plastik.
Meta kien qed jindirizza konferenza stampa konġunta mal-Ministru għall-Ambjent Jose Herrea ġewwa l-Akkwarju Nazzjonali fil-Qawra, il-Kap Eżekuttiv tal-GreenPak Mario
Schembru qal li l-għan ewlieni tal-kampanja Crush and Win huwa li jitnaqqas ir-rimi barra u li jitnaqqas l-ammont ta’ plastik li jintrema bl-addoċċ fil-kampanja u fl-oċeani
tagħna.
Kulħadd jista’ jieħu sehem fil-kampanja sempliċiment billi jikteb in-numru tat-telefon tiegħu jew tagħha fuq kontenitur tal-plastik li jsibu mormi barra jew li jkollhom id-dar,
billi jgħaffġuh u jitfgħuh f’wieħed mill-kontenituri bluni ta’ GreenPak li jintużaw għar-riċiklaġġ li jinsabu f’diversi postijiet madwar Malta.
Kuljum, GreenPak se tagħżel wieħed minn dawn il-flixken jew kontenituri mormija u tavża lir-rebbieħ jew rebbieħa li jistgħu jiġbru €100 fi flus. Il-kampanja se ddum sena.
Skont l-aktar ċifri reċenti, madwar 60,000 tunellata ta’ materjal li jintuża għall-ippakkjar jilħaq is-suq lokali kull sena, u 32 fil-mija tal-kontenituri tal-plastik jiġu
riċiklati. Mhuwiex magħruf l-ammont ta’ plastik li jispiċċa fil-Mediterran, iżda bħalissa għaddejjin għadd ta’ studji.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GreenPak Mario Schembri qal: “Aħna għażilna li nagħtu din il-konferenza stampa fl-Akkwarju Nazzjonali speċifikament biex nenfasizzaw
it-theddida tal-iskart fuq l-ambjent tagħna u fuq il-ħajja marina fl-ibħra ta’ madwarna.
“Filwaqt li l-ippakkettjar fil-plastik huwa essenzjali għall-preservazzjoni tal-ikel u x-xorb tagħna, dan mhux qed jintuża tajjeb. Aħna investejna ammonti kbar ta’ flus biex
niffaċilitaw ir-riċiklaġġ għall-pubbliku, u s-sehem tiegħu f’dawn l-inizjattivi żdied. Iżda kollha flimkien għandna bżonn inżidu l-isforz kontra r-rimi barra. Il-kampanja Crush
and Win huwa mod wieħed kif nistgħu nagħmlu dan. “Ovvjament, aħna nappoġġjaw kull inizjattiva biex nirkupraw kemm jista jkun flixken tax-xorb tal-plastik. Iżda kollha kemm aħna għandna bżonn nifhmu li l-flixken tal-plastik mhumiex limitati biss għax-xorb u l-użu tal-plastik imur bil-wisq lil hinn
mill-flixken tal-plastik. Hemm bżonn ta’ sforz kollettiv mingħand kulħadd biex inżidu r-riċiklaġġ b’mod li jħalli impatt.”
Crush and Win tkompli fuq kampanja oħra Crush li rnexxiet ħafna li GreenPak kien nieda aktar kmieni din is-sena, u li fiha wħud mill-aktar personalitajiet magħrufa
f’Malta ħadu sehem f’vidjow divertenti maħsub biex iħeġġeġ lill-pubbliku biex jgħaffeġ u jirriċikla l-flixken tal-plastik.