Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop, u rappreżentanti tal-kumpanija Chemie-Tech, kienu preżenti fil-binja tal-Enemed għall-iffirmar ta’ kuntratt bejn l-Enemed u l-kumpanija Chemie-Tech għall-bini ta’ tliet tankijiet ġodda għall-ħażna tal-fuel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta b’investiment ta’ 12-il miljun ewro.
Hekk kif qegħdin jiżdiedu l-ammont ta’ ajruplani li jiġu Malta, u għalhekk hemm żieda ta’ domanda għall-Jet A1 għall-użu tal-jetengines, inħass il-bżonn li l-Enemed Co. Ltd. jibnu tliet tankijiet ġodda flimkien mas-sistemi tal-ippumpjar u pipes għall-ħażna tal-fuel Jet A-1 fil-faċilitajiet ta’ ħażna eżistenti li jinsabu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fis-sit tal-BULK 1.
L-Enemed Co. Ltd. u l-kwartieri 31 ta’ Marzu 1979 Fuel Installation f’Birżebbuġa bħalissa huma l-fornituri prinċipali tal-fuel għall-ajruplani li jinżlu u jitilqu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Il-maġġoranza tal-fuel fornut lid-diversi ajruplani huwa l-Jet A-1 (kerosene) għall-użu tal-jet engines. Filwaqt li l-Avgas jiġi fornut ukoll fi kwantità iżgħar lill-ajruplani żgħar li jaħdmu bil-piston engines.
L-installazzjoni l-ġdida, li se tinkludi wkoll sisitema ġdida ta’ sigurtà, valvi u pompi motorizzati u tliet tankijiet ġodda , se tinbena skont l-aħħar teknoloġiji u standards moderni fis-suq.