L-ilqugħ armat fl-aħħar edizzjoni ta’ Paqpaqli għall-Istrina ma kienx intenzjonat li jipproteġi lin-nies iżda kien hemm sabiex jifred parti mir-runway mill-ispettaturi.
Dan itqal illum fil-qorti hekk kif illum kompla jinstema’ l-każ tal-inċident li seħħ sentejn ilu li fih kienu ndarbu xejn anqas minn 29 persuni fosthom sitta f’qagħda kritika.
Waqt ix-xhieda ta’ Patrick Murgo, il-Kap tas-Sigurtà tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Murgo qal li qabel l-attvità kienu saru numru ta’ laqgħat mal-organizzaturi.
F’dawn il-laqgħat kien diskuss il-post li fih kienu se joqogħdu l-ispettaturi iżda ma trattawx is-sigurtà tagħhom.
Meta mistoqsi dwar ir-responsabbiltà tal-art fejn saret l-attività, is-Sur Murgo qal li waqt attivitajiet bħal dawn tiskatta liġi li teżonera lill-ajruport minn kull responsabbiltà. Huwa żied jgħid li ma jiftakarx jekk l-organizzatur kellux polza tal-assigurazzjoni.
Meta mistqosi dwar il-kapaċità fil-veloċità ta’ dawn il-karozzi, Is-Sur Murgo qal li t-tlielaq ittellgħu f’post fuq ir-runway kemm jista’ jkun ‘il bogħod min-nies.
Is-Sur Murgo żied jgħid li kien hemm pjani ta’ kontinġenza f’każ ta’ inċident fuq ir-runway ewlenija tal-ajruport. Qal li f’każ bħal dan kienu jieqfu t-tlielaq u tinfetaħ ir-runway sekondarja.
Kien għalekk li intrama barriers tal-plastic ħalli jiffaċilitaw it-tneħħija tagħhom f’każ li jinqala xi ħaġa. L-unika parti tal-ajruport li kien fiha barikkati tal-konkos kienet dik fejn kienu jinżammu numru ta’ ajruplani ssekwestrati.
Mistoqsi ta’ min kienet ir-responsabbiltà li l-barrikati tal-plastik jimtlew bl-ilma, is-Sur Murgo sostna li id-dmir tal-ajruport kien li jara li dawn qegħdin f’posthom.
Dan il-każ beda jinstema’ f’Ġunju ta’ sena ilu wara li karozza misjuqa mill-miljunarju Ingliż Paul Bailey tilfet il-kontroll u baqgħet dieħla fuq numru ta’ spettaturi.
L-inkjesta qalet li minkejja li Bailey kellu kollezzjoni ta’ karozzi ma kienx deher li kellu l-ħiliet neċessarji li jsuq dawk it-tip ta’ karozzi b’dik il-veloċità eċċessiva.