Dalgħodu, kuntratturi ta’ Enemalta bdew iwaqqgħu partijiet mill-bini li fih kien hemm l-uffiċċji tal-kumpanija Sea Malta, fil-Furjana, sabiex jitneħħew strutturi perikolużi li kienu waslu biex
iċedu.
F’dawn l-aħħar snin, partijiet minn dan il-bini f’Moll iċ-Ċangaturi, fin-naħa ta’ ġewwa tal-Port il-Kbir, kienu jintużaw bħala maħżen. Madankollu, strutturi oħra ta’ dan il-bini tħallew fi stat
ħażin għal ħafna snin. Dawn l-istrutturi kienu nbnew fuq kolonni tal-metall mistrieħa fuq pedamenti fil-baħar. Wara snin jitnawru bil-baħar, dawn il–pedamenti qed iċedu.
Iktar kmieni dan ix-xahar, il-periti tal-Kumpanija b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar, identifikaw partijiet minn dan il-bini li kienu f’riskju li jaqgħu fuq propjetajiet oħra fil-viċin jew
fil-baħar. Ix-xogħol ta’ twaqqigħ ta’ dawn l-istrutturi beda llum u ser ikompli fil-ġimgħat li ġejjin. Qed jittieħdu għadd ta’ miżuri biex jitnaqqsu d-diffikultajiet ta’ storbju u trab biex
jitnaqqas l-inkonvenjent ta’ din il-ħidma għar-residenti u n-negozji fl-inħawi.
Wara li jitneħħew l-istrutturi perikolużi, il-Kumpanija ser tkompli b’aktar studji sabiex tqis l-istabbiltà ta’ dan il-bini u tagħraf l-aħjar użu tiegħu għas-snin li ġejjin.