Id-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone mistenni jinħatar whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. Sorsi fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista żvelaw ma’ One News li Schiavone se jingħata din il-kariga minkejja li għadu kif tela’ fil-Parlament. Huwa se jkun qed jieħu post David Agius li s-Sibt li għadda ġie elett Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament. Schiavone kien wieħed mill-ftit deputati fil-Partit Nazzjonalista li appoġġja bil-kbir lil Adrian Delia fit-tellieqa għall-kap.
Huwa ddikjara wkoll li l-ex Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kellu jirriżenja mill-Parlament, b’dan tal-aħħar isostni li se jibqa’ fil-Parlament minkejja li l-Kap Delia ddikjara wkoll li kien hu kien jagħmel bħall-ex Kap tal-Partit Lawrence Gonzi u jirriżenja mill-Parlament wara t-telfa li ġarrab fl-2013. Intant l-istess sorsi saħqu li għalkemm Delia qed idawwar lilu nnifsu b’nies li appoġġjawh fil-kampanja, xorta waħda għad m’għandux kontroll tal-Grupp Parlamentari tiegħu li ħafna minnhom lesti li jisfiduċjawh fil-mument opportun.