Fl-isfond tal-inkwiet intern u s-sens t’arja tqila li baqgħet tinħass fid-Dar Ċentrali, b’fazzjonijiet differenti jisparaw f’saqajn f’xulxin, illum saret l-elezzjoni għaż-żewġ Viċi-Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista.
Kienu ftit iktar minn ħdax-il elf it-tesserat tal-Partit Nazzjonalista li setgħu jivvutaw f’elezzjoni li għandha taħtar in-numru tnejn u tlieta tal-Partit, iżda l-interess f’din l-elezzjoni huwa wieħed baxx għall-aħħar.
Filfatt f’Ġunju l-eks Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil kien qal li kienu se jkunu tlieta u għoxrin elf, it-tesserati li jivvotaw f’din l-elezzjoni.
Iżda wara Simon Busuttil mar lura minn kliemu u qal li huma kważi sittax-il elf li għandhom il-vot.
Biex il-fatt li kienu biss madwar ħdax-il elf li ġabru l-vot tagħhom ifisser kważi wieħed minn kull tliet tesserat ma ġabarx il-vot għal din l-elezzjoni fit-tmexxija Nazzjonalista .
Dan juri nuqqas ta’ interess f’elezzjoni li anke biex jikkontestaw għaliha kien hemm nuqqas ta’ interess.
Tant li għall-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit ma kienx se jkun hemm elezzjoni kieku ma saritx pressjoni fuq Toni Bezzina biex jikkontesta lil Robert Arrigo.
Min-naħa l-oħra għall-id il-leminija ta’ Adrian Delia hemm jikkontestaw David Agius u Edwin Vassallo, li t-tnejn li huma fil-jum tal-votazzjoni dehru fl-istamperija jippruvaw jingħoġbu mal-fazzjonijiet differenti.
Il-Kap Adrian Delia wkoll ried jagħmel il-preżenza tiegħu ċara huma u deħlin in-nies jivvutaw.
Dan fid-dawl li għall-elezzjoni ta’ Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Parlament hemm Edwin Vassallo li għamilha ċara daqs il-kristall li huwa ħareġ għal din il-kariga bħala l-kandidat ta’ Chris Said.
L-istess deputat li kellu sajf jaħraq m’Adrian Delia fit-tellieqa għal Kap u li issa kompla joħloq il-problemi lill-istess Delia permezz tal-mozzjoni li ressaq biex fost oħrajn jiġu investigati l-allegazzjonijiet li kienet għamlet Daphne Caruana Galizia fuq Delia innifsu.
Sadanittant filwaqt li Delia ħalla lil Herman Schiavone joqgħodlu mal-bieb u jsefsef f’widnejn in-nies biex jintgħażel il-kandidat li jrid Delia, bil-wisq iżjed għamlu l-fazzjoni l-oħra ta’ Simon Busuttil.
Ewlenin fosthom kien hemm David Casa li wkoll deher fid-daħla tal-istamperija jilqa’ lin-nies deħlin u jgħaddilhom l-aħħar appell qabel jixħtu l-vot.