Il-gżejjer Maltin jinsabu fost l-iżjed pajjiżi li jagħmlu użu minn antibijotiċi fl-isptarijiet. Dan hekk kif l-użu tagħhom f’pajjiżna jidher li qed jiżdied fl-isptarijiet filwaqt li l-Maltin qed jirrikorru inqas għalihom barra mill-kurituri tal-isptar.
Ċifri ppubblikati miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u Kontroll tal-Mard, urew kif is -sena li għaddiet naqsu b’ħamsa u għoxrin fil-mija dawk li ħadu l-antibijotiċi.
One News tkellem mas-supretendent tas-saħħa pubblika, Charmaine Gauci li spjegat għaliex huwa negattiv li l-użu tagħhom żdied daqsekk.
L-antibijotiċi ma jingħatawx fl-idejn kif ġie ġie u biex wieħed jixtrihom mingħand l-ispiżjar irid bilfors ikollu r-riċetta tat-tabib. Sistema li kif qaltilna Charmaine Gauci naqqset ħafna mill-użu tal-antibijotiċi barra l-isptarijiet.
Jekk wieħed jieħu l-antibijotiċi għal xejn iktar ikun qed issir deni milli ġid. Dan hekk kif minħabba l-użu kbir ta’ din il-mediċina se naslu f’punt fejn il-mikrobi ma jibqgħux jiġu affetwati minnha. Dan filwaqt li mhux il-mard kollu jista’ jitejjeaq bl-użu tagħhom.
Hekk kif r-reżistenza tal-mikrobi dejjem tkompli tiżdied ir-riċerka biex jinstabu iktar antibijotiċi jaħdmu tibqa’ għaddejja. F’pajjiżna isir moniteraġġ ta’ liem antibijotiċi l-iktar ikunu qed jintużaw u kif qed jintużaw. Dan filwaqt li għandna kumitat speċifiku li ħejja wkoll strateġija ta’ kif bil-koperazzjoni tal-pazjenti, it-tobba u l-ispiżjara l-użu tal-antibijotiċi ma jkunx wieħed biss effettiv iżda wkoll sostenibbli.