Il-ġestjoni tal-migrazzjoni, kemm jekk tkun legali kif ukoll irregolari, teħtieġ approċċ iċċentrat fuq in-nies li jqiegħed lill-individwu fiċ-ċentru, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela f’konferenza ta’ jumejn mtella’ f’Malta għall-membri tal-Parlament Ewropew u mir-Reġjun Mediterranju.
Il-konferenza ġiet organizzata b’mod konġunt mill-Unjoni Interparlamentari (IPU), l-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran (PAM) u l-Parlament ta’ Malta fis-16 u s-17 ta’ Novembru 2017 bit-tema “Nippromwovu kooperazzjoni reġjonali aħjar lejn migrazzjoni intelliġenti u umana fil-Mediterran”.
“Irridu nittrasformaw il-politika tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli f’pjanijiet t’azzjoni li jinstigaw żvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli fil-pajjiżi t’ oriġini”, qal il-Ministru Abela. “It-tkabbir ekonomiku m’huwiex biżżejjed jekk l-effetti pożittivi tiegħu ma jinħassux mill-livelli kollha tas-soċjetà, speċjalment in-nies fl-livell lokali u, b’mod partikolari, mill-irġiel u n-nisa żgħażagħ”.
Iż-żgħażagħ huma l-aqwa investiment fir-riżorsi umani ta’ pajjiż, qal il-Ministru, u jeħtieġu opportunitajiet fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fl-impjieg. Filwaqt li enfasizza l-kuntrast qawwi bejn il-popolazzjoni li qed tiżdied fl-Afrika u l-popolazzjoni li qed tixjieħ tal-Ewropa, huwa qal li ma kienx sorprendenti li t-tema ġenerali magħżula għall-Ħames summit tal-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana, li se tlaqqa’ fil-Côte d’Ivoire fid-29 ta’ Novembru, hija “Ninvestu fiż-Żgħażagħ għall-Ġejjieni Sostenibbli”.
Il-Ministru nnota li, bil-ħolqien tal-Pjan Ewropew ta ‘Investiment Esteru (EIP), l-UE riedet tagħti spinta ekonomika u ta’ investiment fil-pajjiżi msieħba fiha. “Dan jista’ jsir billi jissaħħu s-sħubiji pubbliċi u privati u jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol, bl-istess mod kif ippruvajna nagħmlu fl-Ewropa mal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI), li kellu l-għan li jagħti spinta lit-tkabbir, l-impjiegi u l-Ewropa nnifisha. Jiena ċert li l-EIP se jagħti l-istess riżultati pożittivi fl-Afrika li għamlet l-EFSI fl-Ewropa.”