Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis attenda għas-serata Ħaddiem tas-Sena 2017 organizzata mir-residenza San Vinċenz de Paul.
Għat-tielet sena konsekuttiva ttellgħet din is-serata li sservi ta’ opportunità biex jiġu ppremjati l-ħaddiema li jkunu ħallew impatt pożittiv fil-kwalità tas-servizz tal-kura lir-residenti ta’ San Vinċenz de Paul. Dan l-impatt pożittiv isir billi l-ħaddiema jaħdmu u jikkollaboraw flimkien. Barra li tippremja lir-rebbieħa, din is-serata għandha l-għan li tirrikonoxxi d-dedikazzjoni u x-xogħol tal-ħaddiema kollha f’dan is-settur.
F’din is-serata kien hemm żewġ kategoriji ta’ premjijiet: it-team tas-sena u l-ħaddiem tas-sena. Għat-team tas-sena ġew nominati 9 teams, iżda t-team rebbieħ kien l-istores tal-inġinerija. Grupp ta’ 10 ħaddiema f’Novembru tal-2016 ingħaqdu biex flimkien isibu mezz kif jieħdu ħsieb aħjar f’dak li għandha x’taqsam l-inġinerija.
Minn fost 10 nominati, il-ħaddiem tas-sena ġie mirbuħ mis-Sur Francis Portelli, l-infermier inkarigat minn John Paul II Sala 3. L-għan tas-Sur Portelli hu li jipprovdi ambjent ta’ dar lir-residenti u lill-impjegati fis-sala billi jlaqqa’ lill-impjegati u lir-residenti flimkien f’atmosfera sabiħa f’attivitajiet varji li jiġu organizzati bħal f’għeluq snin ir-residenti. L-impjegati huma wkoll involuti f’deċiżjonijiet li jittieħdu rigward it-tmexxija tas-sala.
Is-Segretarju Parlamentari faħħar ix-xogħol li jsir mill-ħaddiema ta’ San Vinċenz de Paul taħt it-tmexxija ta’ Dr Josianne Cutajar sabiex jingħata servizz ta’ kwalità fir-rigward tal-kura tar-residenti. Is-Sur Agius Decelis sostna li d-dedikazzjoni ta’ kull ħaddiem tagħmel differenza kbira fil-ħajja tar-residenti u tal-familjari tagħhom. Filwaqt li rringrazzja l-ħidma tal-ħaddiema f’dan is-settur importanti, is-Segretarju Parlamentari kkonkluda li jħares ’il quddiem għal aktar ħidma flimkien ma’ kull min jaħdem f’dan is-settur biex ikompli jogħla l-livell tal-kura tal-anzjani tagħna.