Il-ġlieda kontra l-abbuż tat-tfal online hija ġlieda dinjija u nistgħu biss niksbu differenza effettiva jekk ngħaqdu flimkien ir-riżorsi kollha tagħna. Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli qalet dan fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew għall-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali.
Din il-ġimgħa l-kumitat għal-Libertajiet Ċivili fil-Parlament Ewropew ivvota favur rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal.
L-għan ewlieni ta’ dan ir-rapport hu li jgħin l-istituzzjonijiet Ewropej jifhmu aħjar il-mod li bih Membri Stati qed idaħħlu fis-seħħ liġijiet Ewropej sabiex ikun miġġieled l-abbuż sesswali. Ir-rapport iħares lejn nuqqasijiet li hemm fl-implimentazzjoni tad-Direttiva maħruġa fl-2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija.
Il-MPE Dalli, bħala shadow rapporteur f’isem l-S&D, kemm-il darba saħqet li m’hemm xejn pornografiku dwar materjal t’abbuż sesswali fuq it-tfal.
Waqt il-ħidma ta’ Dr Dalli fuq dan ir-rapport hija ltaqgħet ma’ Facebook, Thorn, Internet Watch Foundation, EURISPA u l-Kummissarju Malti għat-Tfal.
“L-abbuż dejjem jibqa’ abbuż, abbuż sesswali huwa abbuż sesswali u rridu nidentifikawh bħala tali. Li nidentifikaw materjal t’abbuż sesswali fuq it-tfal bħala pornografija tat-tfal huwa insult kbir lil eluf u eluf ta’ vittmi ta’ dan ir-reat orribli,” qalet Dalli.
Fost in-nuqqasijiet identifikati f’dan ir-rapport hemm li ħafna drabi l-internet service providers ma jimxux mal-proċeduri sabiex ineħħu materjal t’abbuż sesswali fuq it-tfal minn fuq l-internet.
Waqt diversi interventi li għamlet, Dalli saħqet kemm-il darba fuq l-importanza li jitneħħa materjal abbużiv sabiex verament ikunu protetti l-vittmi.
“L-imblukkar ta’ dan il-materjal mhux biżżejjed,” qalet l-MPE Dalli. “Jekk verament irridu ngħinu lill-vittmi irridu noħolqu rimedji addattati, li jinvolvu anke proċeduri legali.”
Dalli, bħala kelliema tas-S&D fuq il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, kemm-il darba sejħet għal użu aħjar tar-riżorsi sabiex jiġi miġġieled dan il-fenomenu b’mod effettiv.
“Dan jinkludi li noffru lis-soċjetà l-għodda neċessarja kif ukoll nħallu liċ-ċittadini jirrapportaw dawn il-każijiet ta’ materjal abbużiv b’mod aċċessibbli.
Barra minn hekk, il-MPE Dalli temmen li l-edukazzjoni tat-tfal dwar ir-riskji online huwa mezz importanti ta’ kif jista’ jiġi evitat dan l-abbuż u jkompli jgħin aktar fil-ġlieda kontra l-kriminali li jagħmlu profitt minn fuq it-tfal.