Id-delegazzjoni ta ‘Malta kienet immexxija mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia, attendiet għal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) imsejħa fi Brussell bħala parti min-negozjati bejn il-Kunsill tal-UE u l-Parlament Ewropew dwar il-Baġit tal-UE tal-2018.
Il-baġit tal-2018 huwa l-ewwel baġit wara l-ħidma tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE li żiedet ir-riżorsi disponibbli għat-tkabbir, impjiegi, migrazzjoni u sigurtà u ppromwoviet simplifikazzjoni u flessibilità tal-baġit tal-UE biex jindirizza sfidi ġodda.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari talab riżorsi suffiċjenti biex jiffinanzja l-prijoritajiet ta’ Malta, b’mod partikolari Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, migrazzjoni u sigurtà.
Aaron Farrugia qal li “Din kienet l-ewwel negozjati Ewropej tiegħi bħala Segretarju Parlamentari. Wara taħdidiet estensivi nhar il-Ġimgħa li ma kkonkludewx sa l-ewwel sigħat tas-Sibt filgħodu, ninsab kuntent li rnexxieli nipperswadi lill-Istati Membri sħab biex jipprijoritizzaw ir-riżorsi għal miżuri ta’ migrazzjoni u sigurtà, li jirriflettu t-tħassib tal-poplu Malti, filwaqt li proteġejna l-fondi diġà eżistenti.”
Wara negozjati estensivi, intlaħaq ftehim dwar il-Baġit tal-UE tal-2018 kmieni filgħodu tas-Sibt 18 ta’ Novembru, fejn Malta kisbet l-għanijiet tagħha.