Ir-riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta li tressqet fil-Parlament Ewropew, ma nkitbitx mill-grupp tal-komunisti iżda mill-grupp tal-Partit Popolari Ewropew – li tiegħu huwa membru l-Partit Nazzjonalista.
Innota dan Cyrus Engerer meta ta ħarsa lejn id-dettalji tad-dokument li ntuża biex inkitbet din l-istess riżoluzzjoni.
“Id-dokument oriġinali li tqassam fil-Parlament Ewropew, x’ħin tmur fil-Word Document ħalli tara min kitbu, l-isem li hemm tal-persuna li kitbet dan id-dokument, huwa Martina Nemcova. Din hija l-assistenta ta’ David Casa u Roberta Metsola u sħabhom tal-Partit Popolari Ewropew fil-PANA Committee.”
Dan ifisser li huwa l-Partit Popolari Ewropew li beda dir-riżoluzzjoni.
“Ma nistgħux issa nqarrqu bin-nies u ngħidu li din mhux vera nkitbet mill-Partit Popolari Ewropew għaliex dawk huma l-fatti.”
Engerer innota wkoll numru ta’ żbalji li għandha din ir-riżoluzzjoni; li għaliha vvota l-Partit Nazzjonalista.
Fost l-iżbalji hemm dak dwar il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, fejn intqal li l-kumpanija inkarigata minnu f’Malta hija NEXIA BT, meta fil-verità hija Henley&Partner’s.
“Meta tifli sew din ir-riżoluzzjoni tibda tara żball wara l-ieħor jiġifieri min kitibha lanqas kien informat sew dwar ir-realtà x’inhi, on the grounds, f’Malta.”