Il-Partit Laburista nnota li qed jirriżulta b’mod ċar li David Casa se jibqa’ Brussell biex ikompli jaħdem kontra Malta. Xhieda ta’ dan l-istqarrija ppubblikata llum mimlija allegazzjonijiet u gideb.
David Casa prova jippolitiċizza każ fejn il-Qorti ħarġet mandat ta’ arrest ewropew u internazzjonali. Kif jistgħu jgħidulu sħabu avukati fil-Partit Nazzjonalista, din hi deċiżjoni li tieħu l-Qorti fil-libertà kollha bħala istituzzjoni indipendenti. Dan kif inhu mistenni fi stat li jħaddan ir-rule of law.
Casa għamel stqarrija jitkellem dwar il-gidba Egrant meta l-każ li hemm quddiem il-qorti seħħ qabel saru dawn l-allegazzjonijiet.
Peró għal David Casa, bħal oħrajn fil-Partit Nazzjonalista, ir-rule of law għandha tkun rispettata biss meta l-istituzzjonijiet jaġixxu kif jgħoġob lilhom.
Fuq kollox il-fatt li David Casa bena l-istqarrija tiegħu fuq fatti foloz u gideb juri li m’għandux għajr interess iħammeġ lil Malta. Kif wara kollox għamel fl-aħħar jiem meta fil-Parlament Ewropew attakka lil pajjiżu filwaqt ma’ sħabu l-MEPs tal-PN kien qed jaqbeż għal Ungerija; temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.