L-aħħar slogan li ħareġ bih David Casa fil-kampanja biex ikun elett Membru Ewro-Parlamentari kien ‘Leali, Malti, Ewropew’.
B’din l-għajta ġie elett biex fuq livell Ewropew jirrappreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi.
Min jaf x’jifhem biha l-lealtà. David Casa għandu kull dritt jikkomunika permezz ta’ fora Ewropej; dak huwa xogħolu, u dik hija l-pjattaforma fejn hu mistenni jsemma’ leħnu. Imma li rajna lbieraħ ma kien ġust xejn fuq il-poplu Malti.
Inġib eżempju sempliċi: jekk issejjaħli l-kap tal-iskola u ċċanfar lill-ibni għax għamel xi ħaġa ħażina, nirringrazzjaha u nagħtiha kelma li se naħdem flimkien ma ibni biex inġibu ruħna aħjar.
Iżda jekk issejjaħli u takkuża lill-ibni b’xi ħaġa li ma jkunx għamel, niġbdilha l-attenzjoni u niddefendi lill-ibni kif inhu xieraq, fl-aħjar interessi tiegħu. Irid ikolli xi ħaġa fundamentalment ħażina, mbagħad, biex immur jien stess quddiem il-kap tal-iskola, nakkuża lill-ibni jien stess, u nifraħ meta ħaddieħor jakkużah bħali.
David Casa, membri Ewro-Parlamentari u persuni f’karigi politiċi għandhom ikunu leali lejn kull ċittadin Malti, daqs kemm omm hija leali lejn uliedha. Il-poplu eleġihom, bħal mal-ulied jagħmlu mara u raġel omm u missier. Il-wieħed ma jeżistix mingħajr l-ieħor.
Dan ma jfissirx li għandhom jiddefendu lit-tmexxija tal-pajjiż taħt kull ċirkostanza. Anzi, għandhom dmir jaraw li t-tmexxija tirrifletti l-interess taċ-ċittadini.
Iżda David Casa, Roberta Mestola u Francis Zammit Dimech kienu jipproteġu lil uliedhom Maltin u l-kunċett ta’ saltna ta’ dritt, kieku kienu prudenti u stennew il-konklużjoni tal-invetigazzjoni dwar il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia, qabel ħassewhom kapaċi jikkummentaw.
Kienu jipproteġu lil uliedhom Maltin u l-kunċett ta’ saltna ta’ dritt, kieku ma rawx kif għamlu biex l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jsir eżerċizzju ta’ tfigħ ta’ tajn lejn it-tmexxija tal-pajjiż, li ġiet eletta b’maġġoranza b’saħħitha.
Kienu jipproteġu lil uliedhom Maltin u l-kunċett ta’ saltna ta’ dritt, kieku ma ċapċpux bil-qalb meta Membri Ewro-Parlamentari Ewropej irrepetew il-propoganda ta’ kliem dispreġjattiv lejn pajjiżna, kuntenti li l-għawwar tagħhom baqa’ mistur.
Kienu jipproteġu lil uliedhom Maltin u l-kunċett ta’ saltna ta’ dritt, kieku spjegaw lil sħabhom Ewropej li pajjiżna jinsab imnikket bil-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia, li dejjem u f’kull ċirkostanza tħalliet tesprimi ruħha. Messhom spjegawlhom li esperti barranin qed jgħinu fl-investigazzjoni, u li l-Gvern qed jikkollabora bi sħiħ.
Kienu jipproteġu lil uliedhom Maltin u l-kunċett ta’ saltna ta’ dritt kieku ħallew l-investigazzjonijiet jitwettqu mingħajr pressa politika liema bħalha, li sservi biss ta’ xkiel.
Kienu jipproteġu lil uliedhom Maltin u l-kunċett ta’ saltna ta’ dritt kieku tkellmu kontra l-allegazzjonijiet tal-waħx li kienet tagħmel l-istess Daphne Caruana Galizia fil-konfront ta’ nies li riedu biss jgħixu l-ħajja privata tagħhom bil-kwiet.
Kienu jipproteġu lil uliedhom Maltin u l-kunċett ta’ saltna ta’ dritt kieku rrispettaw lill-awtoritajiet tal-pajjiż, jew ikkritikawhom b’mod ċivilizzat. Minflok, approvaw lil min stampa wiċċhom fuq karti kbar u ssuttalhom it-tadam.
Kienu jipproteġu lil uliedhom Maltin u l-kunċett ta’ saltna ta’ dritt, kieku ħarġu huma bil-whistleblowers’ act. Kieku ma kinux ikunu huma stess li għal darba darbtejn riedu jagħmluha ta’ ‘judge and jury’.
Kienu jipproteġu lil uliedhom Maltin u l-kunċett ta’ saltna ta’ dritt kieku ma ħarġux b’irċevuti foloz jew skemi ta’ self sigriet.
Kienu jipproteġu lil uliedhom Maltin u l-kunċett ta’ saltna ta’ dritt kieku ma pinġewx lill-Malta f’dawl djaboliku għax il-Gvern introduċa programm ta’ ċittadinanza, l-istess bħal ma għandhom ħafna pajjiżi oħra Ewropej.
Kienu jipproteġu lil uliedhom Maltin u l-kunċett ta’ saltna ta’ dritt kieku staqsew lill-Kap tal-Oppożizzjoni jissottimetti ruħu għal investigazzjoni, kif kienet appellat biex jagħmel Daphne Caruana Galizia.
Kienu jipproteġu lil uliedhom Maltin u l-kunċett ta’ saltna ta’ dritt kieku ma ingħaqdux ma min irid isallab lil Malta fuq is-sistema ta’ tassazzjoni, għax għandu x’jiggwadanja hu stess.
Kienu jipproteġu lil uliedhom Maltin u l-kunċett ta’ saltna ta’ dritt kieku spjegaw lill-poplu u l-kamra tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista li bniedem għandu jkun iġġudikat biss wara li titwettaq investigazzjoni dwaru, u dak allegat jirriżulta veritier jew falz.
Għalhekk ma nifhimx x’iridu jgħidu bihom slogans bħal ‘lealtà’ jew ‘fl-interess tiegħek’, kif kien l-islogan ta’ Roberta Metsola. Ħlief forsi li qed jagħmlu minn kollox biex jagħmlu bil-kontra.