“Malta wriet kif l-istituzzjonijiet fi ħdanha qed jaħdmu u qed jaħdmu sew, u qed jirrispondu għall-isfidi li ġab miegħu l-att barbarbu tal-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia”.
Qal dan il-Ministru Estonjan Matti Maasikas, li fetaħ id-dibattitu fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu li ddiskuta l-mozzjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta.
Maasikas kien qed jitkellem f’isem il-Kunsill tal-Ministri – magħmul mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Għaxart’ijiem wara l-funeral tal-blogger, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans irrikonoxxa li kull darba li ltaqa’ ma’ Ministri Maltin minn meta seħħ id-delitt, dawn urew id-determinazzjoni tagħhom li jagħmlu dak kollu meħtieġ biex jinqabdu dawk responsabbli u ssir ġustizzja.
F’dal-kuntest u f’dikjarazzjoni ċara kristall, Timmermans sostna li dan huwa l-mument li Malta turi lill-Ewropa, u lid-dinja, li r-regoli u l-liġi fi ħdanha huma b’saħħithom.
Matul id-dibattitu saru interventi minn numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej, fosthom Tanja Fajon, li nnotat kif il-pożizzjoni tal-Partit Popolari Ewropew – li s-saltna tad-dritt f’Malta falliet, hija waħda esaġerata, u ma taqbilx magħha.
Oħrajn innutaw li flok isiru spekulazzjonijiet, ikun aħjar li jgħinu lil Malta fl-investigazzjonijiet li qed isiru.
Kien hemm min saħaq li Malta ma tistax tibqa’ tiġi mqabbla mal-Ungerija u l-Polonja – anzi dawn għandhom jieħdu eżempju minn Malta u jitolbu għall-għajnuna tal-Unjoni Ewropea.
Tkelmu wkoll il-Membri Parlamentari Ewropej Maltin.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant sostna li s-saltna tad-dritt m’għandhiex tkun ippolitiċizzata.
Miriam Dalli rrikonoxxiet is-sens ta’ niket li ħakem lil Malta fl-aħħar ġimgħat, madanakollu nnutat dik li ddeskriviet “impresssjoni inġusta” li qed tkun ppreżentata fil-fora internazzjonali.
Marlene Mizzi tenniet li l-intenzjoni tar-reżoluzzjoni fil-konfront ta’ Malta mhix waħda ġenwina, u għandha biss l-għan li timmina lil pajjiżha.
Francis Zammit Dimech qal li issa dawk li kitbet kontrihom qed jistaqsu għall-ġustizzja.
U bħalma ġara fil-passat, l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti komplew bl-attakki fil-konfront ta’ pajjiżhom stess.
Biex wara li l-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew kien diġà favur l-Ungerija iżda kontra Malta, fid-dibattitu David Casa bkielhom biex pajjiżu jkun investigat.
Dan filwaqt li attakka lill-Kummissarju tal-Pulizija u sejjaħlu “inkompetenti”.
Roberta Metsola użat l-intervent tagħha biex qalet li l-Prim Ministru Malti jaħseb li jista’ jintimida lil kulħadd.
Wara li saru l-interventi kollha, reġà tkellem Timmermans, li wera dispjaċir li d-dibattitu iddeġenera fi ġlieda politika bejn il-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew.
Huwa appella biex jingħata ċans li jsiru l-investigazzjonijiet minflok spekulazzjonijiet.
Il-Membri Parlamentari Ewropej mistennija jieħdu vot dwar ir-riżoluzzjoni matul il-jum tal-Erbgħa.