Il-Prim Ministru tal-Estonja Jüri Ratas, wasal f’Malta għal żjara uffiċjali fejn kellu taħdidiet bilaterali mal-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat f’Kastilja.Iż-żewġ naħat iddiskutew fost l-oħrajn oqsma ta’ interess komuni kif ukoll temi relatati mal-futur tal-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat faħħar ix-xogħol tal-Estonja li bħalissa tinsab fit-tmun tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja.
B’mod partikolari dak li għandu x’jaqsam ma’ ekonomija diġitali, fejn Malta hi b’teressata bil-bosta li tingħata spinta lill-ekonomija diġitali fid-dawl tat-tkabbir ekonomiku ta’ Malta.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru tal-Estonja faħħar bil-bosta l-Presidenza Maltija aktar kmieni din is-sena u ddeskriviha bħala waħda qawwija.
Huwa qal li l-Presidenza li filfatt qed imexxi hu, qed timxi fuq dak li bdiet Malta b’suġġetti simili
Il-Prim Ministru Estonjan sostna li bejn Malta u l-Estonja hemm relazzjoni tajba u b’saħħitha u huwa mistenni li tkompli tissaħħaħ anke fil-bidu tas sena d-dieħla fid-dawl tal-previżjonijiet ekonomiċi u turistiċi.
Mal-wasla tiegħu f’Malta hu ġie milqugħ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-Ministru Helena Dalli.