Bi 80 riċetta mill-kċina ta’ tmien koki, tnieda l-ktieb Tisjir mill-Qalb 2017.
Edizzjoni li bħal ta’ qabilha, se tara l-qliegħ imur għall-Malta Community Chest Fund.
Il-mappa bil-bandiera Maltija fin-nofs fuq il-faċċata tal-ktieb tirrapreżenta l-fatt li l-koki li kitbu r-riċetti huma kollha Maltin li jgħixu barra minn Malta, f’pajjiżi bħall-Indja, il-Kuwajt, l-Ingilterra u l-kontinent Awstraljan.
Gradwati bħala master chefs mill-Università ta’ Malta, il-koki xorta baqgħu marbuta lejn l-għeruq tagħhom, tant li fil-pajjiżi rispettivi li jgħixu fihom huma magħrufin għat-tisjir tagħhom b’riċetti mill-kċina Maltija.
Il-ħut u l-ħaxix ukoll jingħataw prominenza fil-faċċata ta’ Tisjir mill-Qalb, bil-messaġġ li jrid jitwassal ikun dwar l-importanza tal-konsum t’ikel Mediterranju tajjeb għas-saħħa.