Paul Fenech, raġel ta’ sittin sena residenti Birkirkara tilef ħajtu traġikament wara li kien għadu kif itemm lejl ta’ ħidma żewġ kantunieri ‘l bogħod fil-fabbrika tal-ħalib.
Hu tilef ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku l-lejl li għadda fil-Ħamrun fil-22:50 meta seħħet ħabta bejn tliet vetturi fi Triq il-Kbira San Ġużepp.
Il-ħabta saret bejn mutur tat-tip Honda li kien qed jinstaq mill-vittma, karozza tat-tip Citroen li kienet qed tinstaq minn mara ta’ sittin sena mis-Swieqi u karozza tat-tip BMW misjuqa minn ġuvni ta’ dsatax-il sena mill-Ħamrun. Dan wara li l-vettura misjuqa liż-żagħżugħ laqtet lis-sewwieq tal-mutur, fejn mad-daqqa l-mutur ħabat f’vettura li kienet ipparkjata.
Kawża tal-ħabta, iż-żagħżugħ spiċċa ħabat f’vettura oħra li kienet ġejja mid-direzzjoni opposta.
Fuq il-post ġew imsejħa diversi ambulanza li ħadu liż-żagħżugħ, lis-sewwieq tal-mutur kif ukoll żewġ passiġġieri li kienu fil-vettura l-oħra biex jirċievu l-kura neċessarja fl-Isptar Mater Dei.
Sfortunatament Fenech tilef ħajtu kawża tal-ġrieħi li hu ġarrab.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjoni dwar dan l-inċident għadha għaddejja.