Minn żmien għal żmien nisimgħu b’każijiet il-Qorti dwar offiżi sesswali li allegatament ikunu twettqu minn ċittadini barranin. Però sa issa għad m’hawnx statistika li tindika kemm persuni barranin li jintbagħtu lura pajjiżhom minn Malta għandhomx passat kriminali marbut ma’ offiżi sesswali.
Dan forsi jista’ joħloq ftit ta’ tħassib, iżda jirriżulta li fejn hu possibli l-pulizija Maltija tagħmel ukoll il-verifiki meħtieġa biex jiġi assigurat li persuni li jiġu f’pajjiżna ma jkunux marbuta ma’ xi atti kriminali inkluż dawk ta’ offiżi sesswali.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari dwar dan, il-Ministru Carmelo Abela spjega li biex tiġi kkontrollata l-kriminalita’ hemm il-mezzi ta’ ko-operazzjoni li jeżistu bejn il-Pulizija lokali u aġenziji ta’ sigurta barranin.
Saħaq li ġeneralment dawn il-mezzi jħallu riżultati pożittivi, bħal meta jiġu esegwiti mandati t’arrest Ewropew jew Internazzjonali, fuq akkużi varji. Peró sal-lum m’hemm statistika preċiża dwar xi jkun ir-reati li jkunu wettqu.