L-attur Amerikan Kevin Spacey għandu jitneħħa minn film ta’ Hollywood li diġà nġibdu x-xeni kollha tiegħu. Din l-azzjoni se tittieħed wara l-allegazzjonijiet sesswali li tfaċċaw dan l-aħħar fil-konfront ta’ Spacey.
Ir-rwol tiegħu fil-film ‘All the Money in the World’ fil-fatt mistenni jitfassal mill-ġdid u x-xeni tiegħu se jerġgħu jinġibdu.
It-tnedija tal-film xorta waħda baqgħet kif ippjanata, fit-22 ta’ Diċembru.
Spacey, li kien qed jinterpreta l-karattru tan-negozjant kbir taż-żejt John Paul Getty, ser jiġi sostitwit mill-attur veteran Christopher Plummer.
L-akkużi fil-konfront ta’ Spacey jvarjaw minn nofs is-snin 1980 sas-sena li għaddiet.
Il-film ‘All the Money in the World’, bid-direzzjoni ta’ Ridley Scott, huwa dwar il-ħtif tan-neputi żagħżugħ ta’ John Paul Getty li seħħ fl-1973 .
Mark Wahlberg u Michelle Williams, li huma wkoll stilel fl-industrija tal-films, huma mistennija li jieħdu sehem fil-ġbid mill-ġdid tax-xeni li se jinbidlu.
Il-film ġie rtirat ukoll mill-festival annwali tal-American Film Institute (AFI) f’Los Angeles li se jittella’ aktar tard dan ix-xahar.