F’diskussjoni maħsuba biex tfakkar is-70 sena minn meta ngħata l-vot għall-ewwel darba lill-mara, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Gvern immexxi minnu żgur li mhux se jħalli 70 sena oħra biex ikun hemm il-bidliet meħtieġa.
Huwa kien qed jitkellem f’kuntest tal-għażla li jiddaħħlu l-kwoti; li l-poplu vvota għaliha ħames xhur ilu, u tenna l-impenn tal-Gvern biex iwettaq din il-bidla; possibilment f’dil-leġislatura.Il-Mexxej Laburista tkellem dwar l-irwol tal-mara fl-ekonomija, u nnota ż-żieda bla preċedent fin-numru ta’ nisa li daħlu fid-dinja tax-xogħol fl-aħħar snin.
Filwaqt li f’Marzu tal-2013 kien hemm 55,000 mara b’impjieg full–time, f’Marzu ta’ din is-sena dawn żdiedu għal 77,000.
NISA B’IMPJIEG FULL–TIME | |
MARZU 2013 | 55,000 |
MARZU 2017 | 70,000 |
In-nisa b’part–time imbagħad, minn 18,000 f’Marzu tal-2013, f’erba’ snin, żdiedu għal 20,000.
NISA B’IMPJIEG PART–TIME | |
MARZU 2013 | 18,000 |
MARZU 2017 | 20,000 |
Iżda minkejja ż-żieda pożittiva ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol, matul id-diskussjoni tqajjem il-punt li fejn tidħol il-politika mbagħad, għadna mwaħħlin fejn konna fis-snin ħamsin – b’rappreżentanza fqira ta’ nisa fil-Parlament.
F’diskussjoni interessanti u mżewqa bis-sehem t’akkademiċi u politiċi, tqajjem il-punt li dik tal-kwoti għandha tkun miżura temporanja, għaliex imbagħad meta jibda jkun hemm aktar nisa, awtomatikament jibdew jidħlu nisa oħra.
Matul id-diskussjoni, kienu rikonoxxuti wkoll il-problemi li għadhom qed jostakolaw lin-nisa milli jkunu fit-tmexxija tal-pajjiż. Ewlenin fosthom il-ħinijiet tal-Parlament, u n-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u x-xogħol – b’soluzzjoni potenzjalment tkun l-estensjoni tas-servizz taċ-childcare.
Il-panel kien magħmul minn Renèe Laiviera (Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza), George Vital Zammit (lettur tal-Public Policy fl-Università ta’ Malta), Carmen Sammut (Akkademika fl-Università ta’ Malta) u Jos Ann Cutajar (Lettur fl-istudji tal-ġeneru).