L-aħbar li l-Gvern u l-Unjin tal-Għalliema qablu dwar żidiet li se jingħataw lill-edukaturi fil-pagi tagħhom hija waħda mill-iktar aħbarijiet sbieħ li seta’ ħa pajjiżna.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista nnota li l-għalliema, li diġà gawdew mis-surplus frott ta’ miżuri tal-Gvern li laħqu l-ħaddiema b’mod ġenerali, issa se jkunu qed igawdu mis-surplus b’żidiet diretti fil-pagi tagħhom.Il-Partit Laburista kompla jinnota li t-tisħiħ ekonomiku ta’ dan il-pajjiż mhux biss wassal biex l-għalliema setgħu jitolbu kundizzjonijiet aħjar, iżda serva biex il-Gvern seta’ jasal biex joffri dawn il-kundizzjonijiet ġodda.
L-edukaturi ilhom deċenji jitolbu kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar u l-gvern preżenti kellu jibda mill-qiegħ għax l-għalliema u l-edukaturi kienu fost l-inqas li ngħataw żidiet minn Gvernijiet Nazzjonalisti. Dan se jkun ftehim ieħor li juri kif il-Gvern preżenti qiegħed isewwi n-nuqqasijiet tal-imgħoddi ta’ Gvern nazzjonalista u jwassal lil pajjiżna għall-aqwa żmien.
F’dan il-każ l-Oppożizzjoni preżenti mhix kredibbli. Mhix kredibbli minħabba l-passat, iżda wkoll minħabba l-attitudni riċenti. Waqt li kienu għaddejjin negozjati sensittivi, il-Partit Nazzjonalista kien qed jgħaġġel jikkummenta li l-għalliema mhux qed igawdu mis-surplus. Il-fatti juru mod ieħor. Il-Partit Laburista temm jinnota kif huwa sabiħ li l-għalliema se jgawdu ħafna iktar mis-surplus.