Mijiet ta’ membri tal-Kunsill Ġenerali injoraw il-block vote li qasmu n-nies ta’ Adrian Delia u għażlu nies li jirrappreżetaw fazzjonijiet oħra fil-Partit Nazzjonalista.
Anke jekk numru ta’ nies ta’ Delia kienu eletti fl-eżekuttiv, b’mod partikolari dawk li għandhom sehem importanti fil-midja, ir-riżultat juri li l-Partit Nazzjonalista baqa’ maqsum minn nofs. Kif wara kollox wera r-riżultat bejn Ċensu Galea u Kristy Debono.
B’imkejjen fid-Dar Ċentrali jsostnu li kollox jindika li Delia ftit li xejn għamel avvanz minn meta nħatar kap.
Nies bħal Ċensu Galea, li Delia ma riedux fl-eżekuttiv kien elett b’531 vot, filwaqt li oħrajn bħal Norman Vella u Michael Fenech Adami ġabu mijiet ta’ voti anke jekk il-kunsillieri ngħataw direzzjoni biex ma jivvotawlhomx.
Dawn ġabu mijiet iktar ta’ voti minn xi ħadd bħal Alex Mangion li kien fil-block vote ta’ Delia.
Norman Vella uża l-Facebook biex irringrazja lil dawk li vvotawlu u injoraw il-block vote.
U wara li nnota kif din hi t-tielet elezzjoni li kkontesta u ma telax qal li xorta kuntent.
Malajr kitbulu n-nies u qalulu li hu kien fil-block vote l-ieħor u Vella wieġeb billi qal li “l-uniku block vote li rajt ismi fuqu ma tqassamx fl-idejn imma sar biex jintbagħat lill-gazzetti.”
Akkuża oħra fil-konfront tan-nies ta’ Delia.