Il-Ministeru għal Għawdex jiċħad li l-proġett tal-pixxina nbidel b’xi mod minn dak oriġinarjament imħabbar, jiġifieri faċilità għal-logħob tal-waterpolo u taħriġ tal-għawm, kif implikat il-gazzetta Times of Malta fl-istorja tas-Sibt, 4 ta’ Novembru, 2017 bl-isem ta‘Plans for Gozo swimming pool project to be turned into hotel’.
Hekk kif bħalissa għaddejjin in-negozjati dwar il-concession agreement wara li ntefgħet offerta għas-sejħa ta’ interess mis-settur privat għall-bini ta’ pixxina f’Għawdex, il-Ministeru jagħmilha ċara li l-proġett se jibqa’ wieħed sportiv li minnu jibbenefikaw l-Għawdxin u l-Maltin, ewlenin fosthom b’edukazzjoni fiżika għat-tfal tal-iskola, kif ukoll li jattira lejh turiżmu sportiv.
Il-faċilità se tinkludi wkoll pixxina terapewtika għal skopijiet ta’ riabilitazzjoni, fosthom għal persuni b’diżabilità jew pazjenti li jkollhom bżonn ta’ terapija speċifika. Dan huwa l-unika interess tal-Gvern. Kull attività oħra f’dan il-kumpless m’għandhiex tkun għal skop ta’ spekulazzjoni imma għandha sservi għall-użu tal-pixxina. Il-proġett tal-pixxina kien ilu mwiegħed minn amministrazzjonijiet ta’ qabel l-2013 u baqa’ qatt ma sar xejn. B’differenza, dan il-Gvern miexi bix-xogħol fuqu u huwa kommess li jwettqu.