Bl-isforzi tas-settur privat, l-imsieħba soċjali, min iħaddem u l-ħaddiema, qed jirnexxielna negħlbu l-għadu l-kbir, jiġifieri l-qgħad. Huwa ta’ sodisfazzjon li għall-ewwel darba f’36 sena, in-numru ta’ persuni mingħajr impjieg niżel taħt l-4,000, jiġifieri 3,700. Dan saħqu l-Prim Ministru Joseph Muscat f’kollegament telefoniku fuq One.
Il-Prim Ministru qal li r-rapport tal-Caritas juri li x-xogħol li qed jinħoloq minn dan il-Moviment qed ikisser il-faqar. L-istess rapport juri li l-persuni li jaħdmu qegħdin f’inqas riskju ta’ faqar u għandhom aktar flus biex jimxu ’il quddiem.
Ir-rapport tal-Caritas, li ġie ppubblikat fil-jiem li għaddew juri l-effett tal-miżuri li daħħal dan il-Gvern bħalma huma l-inwork benefits, tapering u r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Irrimarka li għad hemm kwistjonijiet fejn jidħol il-prezz tal-ikel li jridu jiġu affaċċjati. Il-ġimgħa d-dieħla, il-Caritas tippreżenta r-rapport lill-Kabinett biex jiġi eżaminat fid-dettall mill-esperti.
B’referenza għall-paga minima huwa qal li hemm bżonn ta’ dibattitu u li dan huwa possibbli li jsir għax għandna ekonomija b’saħħitha u fost l-inqas rati ta’ qgħad fl-istorja.
“Irridu nkomplu naħdmu fuq is-suċċessi li ksibna f’dawn l-aħħar tliet snin dawn u nikkoreġu fejn stajna morna aħjar u fejn in-nies jippretendu aħjar minna.”
Il-Prim Ministru qal li dan il-Gvern se jkompli jkun pożittiv, joħloq ix-xogħol u ma jaqax għall-provokazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista. “L-Oppożizzjoni għadha kontra l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Qed tagħmel dak kollu li tista’ biex tgerrex l-investiment.”
Awgura suċċess lit-tliet kontestanti għall-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u ddeskrivihom b’kredenzjali b’saħħithom ħafna u li jistgħu jsaħħu lill-Partit Laburista.
https://youtu.be/mAXd-UlEWAM