Il-prosekuturi f’Madrid talbu li tmien membri tal-Gvern Reġjonali Katalan li safa mwaqqa’ jiġu kkundannati għal-piena ta’ ħabs għar-rwol tagħhom fir-referendum tal-indipendenza.
Disa’ uffiċjali Katalani xehdu llum fil-Qorti Suprema ta’ Spanja fuq akkużi ta’ ribelljoni, sedizzjoni u użu ħażin ta’ fondi pubbliċi.
Il-mexxej Katalan Carles Puigdemont, u erba’ uffiċjali oħrajn miegħu injoraw it-talba sabiex jidhru quddiem il-ġudikanti.
Puidemont, li bħalissa jinsab fil-Belġju, qal li l-proċess kiren wieħed “politiku”.
Spanja ilha maħkuma minn kriżi kostituzzjonali tul dan l-aħħar xahar minħabba r-referendum li sar fl-1 ta’ Ottubru bi sfida ta’ sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li kienet iddikjaratu illegali.
Il-ġimgħa li għaddiet il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy ħa t-tmexxija tal-Katalunja f’idejh filwaqt li waqqa’ il-parlament reġjonali. Huwa sejjaħ elezzjonijiet lokali għall-21 ta’ Diċembru.