Ir-ritorn tal-Air Malta lejn Frankfurt ġie ċċelebrat fit-tmiem il-ġimgħa li għadda b’sorpriża għall-passiġġieri tal-ewwel titjira fil-sala tat-tluq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Matul it-titjira, il-passiġġieri ngħataw ukoll ikel u birra tipiċi Ġermaniżi u Maltin flimkien ma’ ħelu għat-tfal.
Ir-rotta l-ġdida lejn Frankfurt tal-Air Malta ntlaqgħet kemm mill-komunità Maltija kif ukoll minn dik Ġermaniża; bit-titjiriet għall-ewwel ftit ġimgħat diġà nbiegħu kollha.
L-Air Malta bħalissa qiegħda ttir lejn Frankfurt b’erba’ titjiriet fil-ġimgħa kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa, Ġimgħa u Ħadd. Destinazzjoni importanti kemm għal turisti li ġejjin Malta kif ukoll għal dawk li jivjaġġaw fuq negozju u għal konnessjonijiet ta’ titjiriet transkontinentali.
Frankfurt hija belt mill-aktar ċentri kummerċjali u ekonomiċi importanti fl-Ewropa kontinentali; li spiss tikklassifika fost l-aqwa għaxart’ibliet li fihom tgħix u tagħmel negozju.