“Kiefra wisq meta tiltaqa’ mal-mewt. Kont qtajt qalbi li ngħix, sakemm ma l-Bambin bagħatli lil Andrew”.
Din hija l-istorja ta’ Christine Grixti. Mara li ngħatat il-ħajja mill-ġdid grazzi għal qalb żagħżugħ, li għalkemm miet, għadu qed jgħix ġewwa fiha.
Christine ħaditna lura fiż-żmien meta kellha biss tmintax-il sena, u mit-testijiet li sarulha irriżulta li kellha virus f’muskolu tal-qalb, li jkabbar l-organu bi tliet darbiet.
Viżibbilment emozzjonata, qalet li ħajjitha nbidlet mil-lejl għan-nhar, hekk kif kellha twaqqaf kull attività li b’xi mod jew ieħor setgħet tikkawżalha l-istress.
Sadanittant, għamlulha Implantable Cardioverter Defibrillator – ICD; biex iżżommha ħajja, ħalli f’każ li qalbha ma tibqax tħabbat, tingħata x-xokkijiet. Kif eventwalment ġara.
Grixti qalet “Ppruvajt nagħmel naqra studji żgħar kelli biss 18, ppruvajt nagħmel certificate fil-human rescources u eżatt kif tlajt għaċ-ċertifikat qalbi ma felħitx għall-emozzjoni u kkrollajt. Waqfet darbtejn qalbi u daħlet l-ICD 10 darbiet voldieri kelli x-xokkijiet quddiem bosta persuni fosthom ir-raġel tiegħi, kont qed immut. Mitt.”
Id-disgħa ta’ Ġunju tal-elfejn u sittax. Il-ġurnata li fiha rċeviet telefonata li kienet ilha tistenna aktar minn 20 sena u li fiha ngħatat l-aħbar li se titpoġġa fuq il-lista ta’ stennija.
Sostniet “Kont kuntenta ħafna imma kont imbeżża’. Kelli heart failure u qiegħda fuq il-waiting list. Dak ifisser li xi ħadd irid imut.”
Dak ix-xi ħadd kien Andrew, li ħalla din id-dinja b’mewta traġika, u mhux msitennija, fl-età ta’ għoxrin sena.
Spjegat kif “Drew mhux fir-ritratt imma qiegħed hawn. Jien dejjem ngħidilhom il-mummy u d-daddy tiegħu, Drew il-ġisem tiegħu miet imma qalbu ma mititx. Tiegħi mietet, tiegħu qiegħda hawnhekk. I’m breathing bis-saħħa tiegħu. Kieku anki jiena mejta. Kieku Drew u l-familja tiegħu m’għamlux il-ġest nobbli li għamlu, kieku kemm jien u kemm is-sitt pazjenti l-oħrajn għax hu ta l-organi kollha, kieku m’aħniex qegħdin hawnhekk. Meta nitkellem fuq Drew, jien għalija Drew huwa parti minni. Tani l-ħajja.”
Bid-dmugħ f’għajnejha, Christine rrakkontat li tilfet lil ommha u lil missierha fiż-żmien li kienet marida – għaxar u sitt snin ilu rispettivament.
B’dak kollu li għaddiet minnu, u bis-saħħa ta’ Andrew, temmen li Alla mhux biss taha ħajja mill-ġdid, iżda familja ġdida.
Qalet “Għandi t-tieni familja u lil Drew inħossu ġo fija. Litteralment inħoss li jiena minix waħdi. Qabel kelli l-ICD issa għandi lil Drew.”
Sittax-il xahar wara, Christine tiddeskrivi t-trapjant bħala miraklu, u appellat biex aktar nies jirreġistraw bħala donaturi tal-organi.
Dan biex nies bħalha jkollhom iċ-ċans li jgħixu ħajja ġdida.
Christine qalet “Inti tkun għaddej minn mumenti koroh tara lil xi membru tal-familja tiegħek ħa jmut, imma dan ħa jmut xorta bħalma ħa mmut jiena u ħa tmut inti imma kemm hi xi ħaġa sabiħa li dak il-persuna li tant tgħożż ħa jibqa’ ħaj għal dejjem sakemm inkun ħajja ħa nibqa mmexxi ’l kelma tiegħu. Ħa jibqa’ jissemma’, kieku ma jissemmiex aktar. Hekk qed inħalluh ħaj.”