Il-Partit Nazzjonalista reġa’ qed ikaxkar saqajh biex jiddiskuti mozzjonijiet li jkun ressaq il-Parlament hu stess.
Wara li ressaq mozzjoni biex jikkontesta ruling tal-ispeaker, il-Gvern reġa’ adotta attitudni li jiddiskuti b’mod immedjat dawn il-mozzjonijiet. Fil-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra intqal li l-Erbgħa filgħodu kellha tkun diskussa l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li tikkontesta r-ruling tal-ispeaker (wara li Marlene Farrugia bidlet il-mozzjoni għal waħda ta’ ċensura) u wara nofsinhar dik tad-deputat Marlene Farrugia li titlob ċensura fil-konfront tal-Prim Ministru.
Iżda l-whip Nazzjonalista David Agius ried li l-Erbgħa tkun diskussa l-ewwel waħda u t-Tnejn l-oħra. Wara diskussjoni, il-Gvern qal li t-Tlieta għandha tkun diskussa tal-Oppożizzjoni u l-Erbgħa ta’ Marlene Farrugia, bid-diskussjoni tibda fl-16.30 sad-21.30. Iżda l-Oppożizzjoni baqgħet topponi.
Wara dak li ħareġ mid-diskussjoni fil-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra, il-Gvern qal li “issa huwa ċar li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista x’aktarx hija l-ewwel Oppożizzjoni fl-istorja li l-ewwel tippreżenta l-mozzjonijiet imbagħad ma tkunx trid tiddiskutihom mal-ewwel, anzi tkun trid titnikker fuqhom.”
“Il-Gvern min-naħa l-oħra jieħu dawn il-mozzjonijiet b’serjetà u qed jara mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni jiġu diskussi b’mod spedit b’sens ta’ korrettezza demokratika,” qalet stqarrija tal-gvern.
“B’hekk qed joħroġ ċar li l-aġir tal-Oppożizzjoni mhuwiex motivat minn sens ta’ urġenza, iżda biss għal-logħob politiku partiġġjan,” temm jgħid il-gvern.