Illum ngħata bidu għaċ-ċelebrazzjon tal-400 sena tal-Qrendi parroċċa dan permezz ta’ quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Emeritus, Mons. Paul Cremona O.P.
Sas-sena 1618, ir-raħal tal-Qrendi flimkien ma’ Ħal Lew u Ħal Manin kienu taħt il-ġurisdizzjoni tal-parroċċa taż-Żurrieq. In-nies tal-Qrendi u l-inħawi tal-madwar kienu jridu jmorru jisimgħu il-quddies jew jaqdu dmirijiet reliġjużi oħra fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katarina V.M. taż-Żurrieq. Minħabba d-distanza u n-nuqqas ta’ preżenza ta’ saċerdot fl-inħawi biex jamministraw is-sagramenti lill-poplu b’mod speċjali lil dawk li kienu qorbu lejn tmiem ħajithom, il-poplu tal-Qrendi kienu ppreżentaw talba lill-Isqof Cagliares biex dan ir-raħal u l-inħawi ta’ Ħal Lew u Ħal Manin jinfirdu miż-Żurrieq u titwaqqaf parroċċa oħra.
Wara li t-talba kienet evalwata, l-Isqof Baldassare Cagliares, b’digriet mogħti matul il-viżta pastorali nhar it-tmintax ta’ Frar 1618, waqqaf u stabilixxa l-Knisja ewlenija tar-raħal tal-Qrendi, taħt it-titolu tat-Tlugħa fis-Sema tal-Verġni Marija, bħala parroċċa. L-ewwel kappillan kien Dun Salvatore Burlo li ħa l-pussess tal-parroċċa l-ġdida nhar is-Sibt, sbatax ta’ Marzu 1618.
Fl-1620, Dun Ġianmari Camilleri inħatar kappillan tal-parroċċa u beda l-pjan għall-bini ta’ knisja flogħla post tar-raħal fejn, sa dakinhar kien għad hemm imwaqqfa żewġ kappelli. Il-bini tal-knisja l-ġdida tlesta fis-sena 1655. Meta fl-1677, inħatar Dun Duminku Formosa bħala kappillan tal-parroċċa tal-Qrendi, dan minnufih iddeċieda li jħott il-knisja li kienet għadha kif tlestiet ftit snin qabel u minflokha jtellgħa oħra akbar. Għal dan ix-xogħol tqabbad l-arkitett magħruf Malti, Lorenzo Gafa’. Ix-xogħol fuq il-knisja l-ġdida beda fl-1685 u tlesta fl-1712. Il-knisja hija mibnija fuq stil ta’ salib latin, b’koppla mdaqqsa u b’kampnar fuq kull naħa.
Fil-knisja parrokkjali insibu 10 artali; 4 fil-korsija li huma ddedikati lill-Kunċizzjoni, San Pawl, San Stiefnu u l-Madonna taċ-Ċintura, filwaqt li fil-kappelluni insibu l-altar tal-Agunija, tal-Ispirtu S-Santu, tal-Karmnu u tar-Rużarju. Fil-kor insibu l-altar iddedikat lit-Tlugħ fis-sema ta’ Marija u l-altar maġġur.
Għalkemm il-knisja tlestiet fl-1617, din ġiet ikkonsagrata sebgħin sena wara eżattament fit-tlettax t’Ottubru tas-sena 1782 mill-Isqof Vinċenzo Labini.
Bħalma kienet l-użanza matul is-snin, id-dfin kien isir ukoll fil-knisja parrokkjali. Dan baqa’ jsir sal-bidu tas-snin ħamsin sakemm tlesta ċ-ċimiterju tal-parroċċa, u fl-1955 tlesta l-paviment tal-irħam.
Iċ-ċelebrazzjonijiet biex ifakkru l-400 sena minn meta l-Qrendi sar Parroċċa se jibdew mil-lum u jibqgħu sejrin sal-24 ta’ Novembru 2018:
28 t’Ottubru 2017 Ftuħ tal-festi ċentinarji b’quddiesa kkonċelebrata mill-Arċisqof Emeritu l-Eċċ. Mons Pawlu Cremona O.P. fil-knisja parrokkjali
___________________________________________________________________________
6 ta’ Jannar 2018 Kunċert tal-Milied fil-knisja parrokkjali imtella’ mill-grupp mużikali Joy Gospel
___________________________________________________________________________
18 ta’ Frar 2018 Tifkira solenni tal-400 sena Parroċċa: Quddiesa pontifikali fil-knisja parrokkjali ikkonċelebrata mill-Eċċ. Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta, l-Eċċ. Mons Pawlu Cremona O.P., Arċisqof Emeritu u l-Eċċ. Mons Paul Darmanin.
___________________________________________________________________________
8 ta’ Mejju 2018 Quddiesa kkonċelebrata b’differenza fil-maqdes pre-istoriku ta’ Ħaġar Qim. Wara jsir pellegrinaġġ bl-ewwel statwa titulari sal-knisja parrokkjali.
___________________________________________________________________________
8 ta’ Ġunju 2018 Pellegrinaġġ nazzjonali mill-knisja Arċipretali taż-Żurrieq sal-knisja Parrokkjali tal-Qrendi bis-sehem tal-fratellanzi taż-żewġ parroċċi
___________________________________________________________________________
17 t’Awissu 2018 Kunċert Battle of the Bands b’risq id-Dar tal-Providenza
___________________________________________________________________________
5 – 9 ta’ Settembru 2018 Festa Madonna tal-Ħniena: preżentazzjoni dwar l-istorja tas-
Santwarju tal-Madonna tal-Ħniena, wirja ta’ pitturi ex voto u
kunċert/kwartett imtella’ għall-okkażjoni
___________________________________________________________________________
21 ta’ Settembru 2018 Festa San Mattew: Quddiesa bl-Għana Tradizzjonali Maltija