Is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali ħabbar bidliet fil-ħinijiet tal-kaċċa u l-insib permessi fil-konfini tal-park tal-Majjistral.
Taħt regolamenti ġodda ppubblikati llum, il-kaċċa fil-park se tkun permessa minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx san-12:30 matul ix-xhur ta’ Settembru, Ottubru u Novembru, u matul l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa (kull meta tiġi applikata id-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa).
Dan jeskludi l-ġurnata tal-Erbgħa li matula l-kaċċa fil-park se tkun permessa sal-għaxra ta’ filgħodu. F’Diċembru u f’Jannar, il-kaċċa se tkun permessa sal-għaxra ta’ filgħodu.
Fil-festi pubbliċi, il-kaċċa se tkun limitata sal-għaxra ta’ filgħodu kemm fil-perjodu tal-kaċċa minn Settembru sa Jannar kif ukoll waqt kwalunkwe staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa.
L-insib se jkun permess minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar matul il-ftuħ tal-istaġun meta d-deroga/i tal-insib ikunu applikati.