L-Oppożizzjoni Demokratika fil-Venezwela: l-Assemblea Nazzjonali (Julio Borges) u l-Priġunieri Politiċi kollha kif elenkati mill-Foro Penal Venezolano, irrappreżentati minn Leopoldo López, Antonio Ledezma, Daniel Ceballos, Yon Goicoechea, Lorent Saleh, Alfredo Ramos u Andrea González kienu mħabbra rebbieħa tal-Premju Sakharov 2017 wara deċiżjoni tal-President tal-Parlament Antonio Tajani u l-mexxejja tal-Gruppi Politiċi tal-Parlament fis-26 t’Ottubru.
L-Oppożizzjoni Demokratika fil-Venezwela
Il-Venezwela ilha bosta snin għaddejja minn kriżi politika. Il-partit fil-gvern kulma jmur illimita dejjem aktar l-istat tad-dritt u l-ordni kostituzzjonali, u f’Marzu 2017 il-Qorti Suprema neżżgħet lill-Assemblea Nazzjonali eletta demokratikament mis-setgħa leġiżlattiva. Julio Borges, il-president tal-Assemblea Nazzjonali, iddeskriva s-sitwazzjoni fil-Venezwela kif ġej: “Il-konfrontazzjoni li għaddejja fil-Venezwela mhijiex biss waħda politika. Hija konfrontazzjoni vitali, eżistenzjali u bbażata fuq il-valuri”.
Fl-istess waqt, l-għadd ta’ priġunieri politiċi laħaq aktar minn sitt mija, skont l-aħħar rapport tal-Foro Penal Venezolano (Il-Forum Penali tal-Venezwela), organizzazzjoni prominenti tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela li tagħti assistenza legali pro bono lil persuni li jkollhom riżorsi ekonomiċi limitati u li jitqies li jkunu ġew detenuti arbitrajament, ittorturati jew attakkati fiżikament waqt dimostrazzjonijiet ta’ protesta. Fost il-priġunieri politiċi jingħaddu Leopoldo López, Antonio Ledezma, Daniel Ceballos, Yon Goicoechea, Lorent Saleh, Alfredo Ramos u Andrea González, mexxejja prominenti tal-oppożizzjoni.
Wara li l-mexxej tal-oppożizzjoni tal-Venezwela Leopoldo López temporanjament ingħata d-detenzjoni domiċiljari f’Lulju, wara li kien qatta’ aktar minn tliet snin detenut, reġa’ ġie ttrasferit fil-ħabs f’Awwissu 2017. Antonio Ledesma, politiku prominenti ieħor tal-oppożizzjoni u eks sindku ta’ Caracas, ilu fid-detenzjoni domiċiljari mill-2015, filwaqt li l-kollegi tiegħu u eks sindki Alfredo Ramos, ta’ Iribarren, u Daniel Ceballos, ta’ San Cristobal, ukoll intefgħu l-ħabs, kif ġralu wkoll l-istudent attivist Lorent Saleh. Żewġ ċittadini Spanjoli, Andrea González u Yon Goicoechea, ukoll jingħaddu fost il-priġunieri politiċi.
Mill-bidu tas-sena ‘l hawn, aktar minn 130 esponent tal-oppożizzjoni nqatlu u aktar minn 500 ruħ sfaw arrestati arbitrarjament.
Iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni
Il-Premju, li jikkonsisti f’ċertifikat u €50,000, se jingħata f’ċerimonja fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu fit-13 ta’ Diċembru 2017.