In-Nunzju Appostoliku ġdid għall-Malta, l-E.T. Mons Alessandro D’Errico għamel l-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Huwa kien milqugħ mid-Direttur tad-Dar, Fr Martin u Micallef u ltaqa’ mar-residenti u l-carerstagħhom. Huwa sab ħin biex iżur il-kappella u l-mużew u l-qabar ta’ Dun Mikiel kif ukoll jara b’għajnejh il-faċilitajiet u l-ħidma li ssir fil-pixxina terapewtika u fiċ-Ċentru Agrikolu San Isidor.
F’diskors qasir ta’ merħba Fr Martin irrefera għat-tnejn u ħamsin sena ta’ ħidma tad-Dar tal-Providenza li ma setgħet qatt tkun possibbli mingħajr nies bħal Dun Mikiel li kellu viżjoni, u ħaddiema dedikati, professjonisti u Sorijiet tal-Karità flimkien ma’ benefatturi li emmnu f’din il-kawża u għenu biex din il-ħidma tibda u tibqa’ miexja. Huwa fakkar li fil-11 ta’ Frar tas-sena ddieħla se jiġi ċċelebrat il-50 anniversarju ta’ meta id-Dar laqgħet l-ewwel tlett residenti. Huwa rrefera għall-ġenerożità kontinwa tal-poplu Malti w Għawdxi u benefatturi regolari oħra li bis-saħħa tagħhom kompliet titjieb dejjem iżjed il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
In-Nunzju Appostoliku wera l-apprezzament għall-merħba li ingħata f’dik li huwa sejjaħ ġurnata speċjali għalih għax ra b’għajnejh l-involviment tal-Knisja Maltija li hija ta’ mportanza kbira speċjalment għall-Papa Franġisku għax għandu ħafna għal qalbu din id-dimensjoni tal-Knisja li tkun qrib dawk li jeħtieġuha speċjalment il-persuni b’diżabilità.
Fi tmiem il-laqgħa mar-residenti Mons D’Errico ingħaqad mar-residenti, support workers u staff tad-Dar tal-Providenza li xtaqu l-isbaħ xewqat lir-resident Frankie Cortis li għalaq 72 sena.
In-Nunzju Appostoliku kien akkumpanjat mill-Kunsillier tan-Nunzjatura Mons Simon Bolivar Sanchez.