Is-suite epika The Planets ta’ Gustav Holst se tindaqq mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u se tkun il-qofol ta’ kunċert nhar l-Erbgħa 15 ta’ Novembru.
Fil-kunċert li se jsir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, l-orkestra se tkun immexxija mid-direttur mużikali Grieg Michalis Economou. Economou diġà kien idderieġa l-Orkestra ta’ Malta f’Novembru 2016 f’kunċert tax-xogħlijiet ta’ Dvořák u Elgar quddiem udjenza li mliet it-Teatru Manoel.
The Planets inkitbet minn Holst bejn l-1914 u l-1916. Kull wieħed mis-seba’ movimenti jiffoka fuq pjaneta individwali fis-sistema solari u s-sinifikat ta’ kull waħda – minn Merkurju sa Nettunu, minbarra d-dinja tagħna. Waqt l-eżekuzzjoni ta’ The Planets f’Dar il-Mediterran, l-udjenza se tkun tista’ tgawdi minn animazzjoni viżwali li tirrifletti l-karatteristiċi tal-mużika skont kull pjaneta.
Din is-suite tant saret popolari li Holst innifsu spiċċa jilmenta li s-suċċess tagħha kien detrimentali għax-xogħlijiet l-oħrajn tiegħu. Tant huwa xogħol qawwi li, fost oħrajn, intuża f’għadd ta’ films tal-fantaxjenza bħala s-sigla ewlenija. Ta’ min jinnota li l-aħħar moviment, Neptune the Mystic, huwa wieħed mill-ewwel xogħlijiet mużikali li jiġi fi tmiemu bil-ħoss jitbaxxa ftit ftit sal-aħħar. Huwa mument meta l-kor tan-nisa jirrepeti l-aħħar linja sakemm, skont Holst innifsu, “il-ħoss jintilef fil-bogħod.” Se jieħdu sehem il-vuċijiet tal-Kor tal-MPO immexxi mill-Assistent Direttur Mużikali Riccardo Bianchi.
L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se tiftaħ il-kunċert bil-Festive Overture ta’ Shostakovich, miktuba fi tlett ijiem biss biex tfakkar is-37 anniversarju mir-Rivoluzzjoni ta’ Ottubru.
Economou huwa kompożitur ukoll u se jmexxi lill-orkestra fl-esekuzzjoni ta’ wieħed mix-xogħlijiet tiegħu; Elegies for Life and Death, ispirat minn biċċa xogħol tal-pittur Ingliż John Martin ibbażat fuq poeżiji antiki Griegi. F’din l-esekuzzjoni, mal-orkestra se tingħaqad il-mezzo-soprano Clare Ghigo.
Il-kunċert jibda fit-20.00. Biljetti jistgħu jixtraw minn showshappening.com.