Il-ġurnalista Amerikana Ann Marlowe qalet fuq l-istazzjoni awtorevoli Rainews 24 li l-materjal użat biex saret il-bomba li tpoġġiet taħt il-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia, maħsub li kien Semtex, kien ġej mil-Libja, speċifikament mill-port ta’ Zwara. Marlowe kienet propju l-ewwel ġurnalista li fl-2015 tkellmet dwar it-trasport ta’ fjuwil b’kuntrabandu mil-Libja lejn l-Ewropa.
“Sirt naf mis-sorsi Libjani tiegħi li l-isplussiv Semtex, li qatel lil Daphne Caruana Galizia kien ġej mill-port ta’ Zwara, fejn hemm il-Kwartieri Ġenerali ta’ Fahmi Mousa Saleem Ben Khalifa, li huwa magħruf bħala r-re tal-kuntrabandu tal-fjuwil mil-Libja, u numru ta’ traffikanti tal-mafja li jaħdmu qrib kriminali Maltin u Taljani ,” qalet il-ġurnalista Amerikana.
Hija żiedet tgħid li l-materjal Semtex huwa bħal firma tat-terroriżmu Libjan u spjegat li dan l-isplussiv intuża f’każijiet simili fis-snin tmenin u disgħin, l-istess materjal użat f’lockerbie. Bil-midja Taljana qed torbot id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia mal-kuntrabandu tal-fjuwil.
Kuntrabandu li dwaru ġie arrestat l-ex plejer internazzjonali Malti, Darren Debono, fil-gżira ta’ Lampedusa.
Arrest li sar il-Ġimgħa filgħodu u li dwaru fuq Rai News 24, intqal mill-Kmandant tal-Pulizija tat-Tribunal Francesco Ruis, li Debono x’aktarx prova jaħrab lejn port sigur wara li l-awtoritajiet ġudizzjarji fi Sqallija ħarġu mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront tiegħu u ta’ Malti ieħor b’rabta ma’ traffikar ta’ fjuwil tal-kutrabandu mil-Libja. Madankollu ngħad li Debono kien kostrett jieqaf Lampedusa minħabba l-maltemp.
Ruis qal li lil Malti sabuh wara li segwew bis-satelliti tagħhom il-movimenti ta’ Debono li nstab f’lukanda. Żied jgħid li bħalissa għaddejja l-investigazzjoni biex jiġi stabbilit fejn kien sejjer qabel kien kostrett jieqaf fuq din il-gżira. Il-Kmandant spjega li l-awtoritajiet ġudizzjarji mhux biss kienu qed isegwu l-passi tiegħu iżda anke ta’ dawk viċin tiegħu li setgħu kienu qed jassistuh.
Huwa sejjaħ lil Darren Debono bħala ċ-ċavetta ta’ din l-inkjesta dwar it-trasport ta’ żejt ta’ kuntrabandu mil-Libja u li kien qed jinbiegħ fl-Ewropa.
Qed ikun irrappurtat li Debono kellu lil Fahmi Mousa Saleem Ben Khalifa bħala kuntatt ewlieni, l-istess persuna li viċin il-kwartieri tiegħu hemm il-port Zwara li l-ġurnalista Amerikana Ann Marlow qalet li kien il-punt tat-tluq tal-materjali Semitex li intuża fid-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-operazzjoni magħrufa bħala Dirty Oil qed jintqal li kienet tinvolvi aktar minn tletin vjaġġ li matulhom ġew trasportati aktar minn tmenin miljun kilogramma ta’ żejt bil-kuntrabandu għall-valur ta’ tletin miljun ewro.